Minix il-kaptan addattat biex niggwida lil pajjiżna minn dan iż-żmien, għalhekk se nirreżenja. Emozjonat, il-Prim Minisru Ingliż David Cameron qal li d-deċiżjoni li jirreżenja kienet deċiżjoni diffiċli iżda meħtieġa għall-istabbilità tal-pajjiż.
Cameron qal li l-kabinett tiegħu se jiltaqa’ nhar it-Tnejn u li se jkompli għaddej jaħdem sa massimu ta’ tlett xhur oħra. Huwa mistenni li d-deċiżjoni ta’ min se joħodlu postu tittieħed sa Ottubru li ġej qabel il-Kungress tal-Partit Konservattiv.
Cameron wasal għal din id-deċiżjoni minkejja li iktar minn 83 ewroxettiku fil-grupp parlamentari tiegħu qalu li se jappoġjawh ikun, ikun xi jkun ir-riżultat.
David Cameron stqarr li ġġieled din il-kampanja b’passjoni u ma żammx lura milli jgħid dak li jħoss u minkejja li jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu Ingliż għadu jemmen li r-Renju Unit huwa iktar b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea.
Huwa se jattendi l-Kunsill Ewropew biex jispjega d-deċizjoni tiegħu u tal-poplu Ingliż lill-mexxejja tal-Istati Membri.
Cameron assigura lil poplu li l-ekonomija Ingliża hija b’saħħitha u li mhux se jkun hemm tibdiliet immedjati fid-drittijiet tal-Ingliżi u l-Ewropej.
Dak li qed ikun imsejjaħ bħala l-itqal diskors tal-karriera politika ta’ Cameron, temm billi qal li jemmen li r-Renju Unit jista jsalva barra mill-Unjoni Ewropea jekk jibqgħu magħqudin.