B’investiment ta’ €700,000 ġie rriġenerat il-Housing Estate ta’ Ħaż-Żabbar, li minnu qed jibbenefikaw mija u għaxar familji, li jammontaw għal kwart tal-popolozzjoni tal-belt Żabbarija.
Fost ix-xogħlijiet li saru fuq dan il-proġett, hemm it-tisbiħ tal-faċċati, manutenzjoni tal-bjut u xogħlijiet fil-komun ta’ għaxar blokok.
Ma’ dan l-istazzjon l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes spjega kif dan il-proġett se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn ir-residenti.
Huwa qal: “Mhux biss din iż-żona ġiet irriġenerata imma tajnieha wkoll ħajja mill-ġdid biex ir-residenti jingħataw dik l-imbuttatutra ħalli fl-ambjent li qegħdin jgħixu, jgħixu f’ambjent san u anke aktar modern. Min-naħa tagħna wkoll dan l-impenn ser jibqa’ għaddej għaliex għandna obbligu li dak li ħallewlna missirjietna postijiet li jintużaw għal skop soċjali rridu nieħdu ħsiebhom u anke ntawlu l-ħajja tagħhom.”
Il-Ministru Galdes spjega wkoll li sal-aħħar tas-sena aktar minn 500 familja se jkunu bbenefikaw minn investiment ta’ €2,600,000 għar-riġenerazzjoni ta’ 46 blokka ta’ housing soċjali madwar il-pajjiż.
Min-naħa tiegħu s-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech spjega li dan il-proġett ilu mistenni minn dawn il-familji, hekk kif għal snin twal dawn il-blokok tħallew fi stat ta’ telqa. Grech tenna li fuq talba tal-Kunsill u r-residenti, kull blokka ġiet miżbugħa b’kuluri differenti biex b’hekk jingħataw identità u dehra sabiħa.