Kull min jgħaddi minn ħdejn il-Bajja ta’ Spinola, f’San Ġiljan, żgur li ra xi sajjieda jraqqgħu x-xbieki tagħhom fuq il-bankina u jħalluhom jinxfu fuq il-ħadid ta’ mad-dawra tal-baħar.
Din iż-żona llum reġgħet ingħata il-ħajja hekk kif sar restawr estensiv fuqha biex is-sajjieda jkunu jistgħu jużaw din il-parti b’aktar kumdità u f’ambjent iżjed sigur.
Dan ix-xogħol ta’ restawr sar b’investiment ta’ mitejn u sebgħin elf ewro u ra titjib fil-kmamar għas-sajjieda li jintużaw biex fihom jinżammu x-xbieki.
Il-Perit Kevin Fsadni, Deputat Kap Eżekuttiv fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, spjega li kien hemm problemi kbar fis-soqfa f’dawn il-kmamar.
Qal, “Bdejna minn hawnhekk u rajna l-problemi fuq is-soqfa. Ikkollaborajna mar-restoranti tal-madwar biex ovvjament hawn ir-restoranti hawn fuq. Intefqu mitejn u sebgħin elf ewro u pprovajna nġibu din il-binja li mhux daqshekk antika għal dak li kienet dak iż-żmien.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, spjega li s-sajjieda huma parti importanti mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna u għalhekk sar dan l-investiment fil-qalba ta’ San Ġiljan biex jiġi ppriservat l-identità ta’ pajjiżna.
Qal, “Dawn l-investimenti huma parti minn kullana ta’ investimenti li qegħdin nagħmlu fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna biex aħna ngħollu l-kwalità ta dak li qegħdin noffru kemm għat-turisti kif ukoll għall-familji Maltin u Għawdxin u anke jkollna pajjiż isbaħ għal kulħadd biex jitgawda minn dawk li jżuruna.”