B’investiment ta’ €200,000 ġie rriġenerat spazju miftuħ fl-inħawi ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi.
Dan l-ispazju miftuħ, mhux biss ħoloq faċilitajiet ġodda u aktar komdi, iżda sr ikun qed iservi ukoll sabiex il-komunità tas-Siġġiewi tkun tisa’ tgawdi minn infrastruttura aħjar f’żona li hija frekwentata ħafna.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, L-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi żaru dan l-ispazju miftuħ li għal żmien twil kien tħalla f’telqa u fi stat t’abbandun.
Il-Ministru Ian Borg stqar li permezz ta din il-ħidma li saret mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi, il-komunità tas-Siġġiewi se tkun qed tgawdi minn spazju miftuħ imsebbaħ grazzi għal ħidma bejn il-gvern ċentrali u l-gvern lokali,.
Qal li din it-tip ta’ ħidma li għaddeja wkoll fuq proġetti oħra li qed jiġu implimentati madwar pajjiżna.
Il-Ministru stqarr li l-impenn tal-Gvern huwa li jibqa’ jwassal spazji miftuħa u siguri lill-komunitajiet.
Min-naħa tiegħu il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera nnota b’sodisfazzjon il-koperazzjoni kbira li qed ikun hemm bejn il-kunsilli lokali u l-Gvern.
Il-Ministru semma l-impenn tal-Gvern favur il-qasam ambjentali u qal li l-ispazji miftuħa jagħtu ċ-ċans biex aktar familji jkollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Intant ġie mfakkar li eżerċizzju ġdid se jara li jingħalqu għat-traffiku t-toroq u l-imsieraħ prinċipali f’diversi bliet u rħula madwar Malta f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata sabiex jinħolqu aktar spazji miftuħa.
Numru ta’ lokalitajiet diġà kkonfermaw li huma interessati f’din l-inizjattiva.