L-Awtorità tal-Ippjanar ċaħdet applikazzjoni għall-istallazzjoni ta’ kanupewijiet (canopies) li jinfetħu u jingħalqu quddiem is-Suq tal-Belt, li jinsab f’binja skedata ta’ Grad 1. Il-vot tal-Bord tal-Ippjanar fuq dan il-każ kien unanimu.
L-għan tal-applikazzjoni, li saret mill-kumpanija Arkadia Marketing Ltd, kien li jitneħħew il-kanupewijiet li hemm bħalissa – li huma suġġetti għal ordni tal-infurzar li għad trid tiġi deċiża – biex minflokhom jitpoġġew oħrajn li jkunu jistgħu jingħalqu.
F’April, l-uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar inkarigat minn dan il-każ irrakkomanda li l-applikazzjoni tiġi rrifjutata minħabba li l-kanupewijiet proposti ma jmorrux mal-faċċata tal-binja skedata. Qal ukoll li l-politiki dwar l-ippjanar ma jippermettux tali kanupewijiet f’żona ta’ konservazzjoni urbana. Li huwa permissibbli huma tined tax-xemx li jinfetħu u jingħalqu u umbrelel li jieqfu waħedhom.
Il-binja fejn hemm is-Suq tal-Belt inbniet bejn l-1859 u l-1981 fil-post fejn qabel kien hemm il-ħabs l-antik hija magħrufa bħala l-ewwel binja f’Malta li l-biċċa l-kbir tal-materjal li ntuża għall-bini tagħha kien l-azzar.