L-ottimiżmu spikka fid-diskors tal-Prim Ministru waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel ta’ Mejju.
Joseph Muscat semma għadd ta’ kisbiet storiċi li sawwru lil dan il-pajjiż modern u li spiċċa l-għira tal-Ewropa.
Quddiem folla kbira ta’ nies li ħonqot pjazza Kastilja u lil hinn minna, il-Prim Ministru saħaq li għal ħaddieħor dak li deher impossibli, il-poplu wera mod ieħor u kien protagonist fil-ħolqien tal-ġid u x-xogħol, it-twettiq tal-ġustizzja soċjali u bidla għal aktar ugwaljanza.
Fi kliem il-Prim Ministru: “għixna waqtiet fl-istorja fejn se ngħidu bi kburija lil uliedna li konna hemm, li konna protagonisti fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Li fejn ħaddieħor kaxkar saqajh u astjena, aħna ħdimna u tajna lil kulħadd bidla u ugwaljanza, flimkien ma’ ġid, xogħol u ġustizzja soċjali. Triq li fiha għamilna dak li ħaddieħor kien jgħid li impossibbli li jsir, iżda li lilna ma qatalniex qalbna, anzi qawwilna d-determinazzjoni tagħna.”
B’ton umli iżda bi kburija li kellu l-opportunità li jservi dan il-pajjiż bħala Prim Ministru, Joseph Muscat irrikonoxxa li saru żbalji u bħala mexxej jerfa’ r-responsabilità anki ta’ dak li mhux tiegħu iżda qal ukoll li l-ħafna tajjeb li sar għamlu dan il-Gvern.
Hawnhekk semma uħud mill-aktar kisbiet riċenti li pajjiżna esperjenza bħas-surplus ta’ iktar minn mitt miljun ewro, it-tnaqqis tal-faqar bin-nofs, iż-żieda fil-paga minima u t-tneħħija darba għal dejjem tal-użu tal-heavy fuel oil.
Sostna li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u jrid jagħżel jieqafx nofs triq jew ikompli jikseb aktar suċċessi.
Hawnhekk il-Prim Ministru qasam il-viżjoni tiegħu li pajjiżna jkun aħjar milli qatt kien.
“Ġejt hawn illum biex ngħidilkom li ksibna kemm ksibna suċċessi, jien għad m’iniex sodisfatt, li għandna fejn niksbu ferm aktar suċċess. Jien irrid immexxikom biex niksbu aktar flimkien. Irrid li dan il-pajjiż mhux biss inħalluh aħjar milli sibnih, iżda nħalluh aħjar milli qatt kien.”
Matul id-diskors f’jum il-ħaddiem Joseph Muscat sostna li bit-tim tiegħu twettaq ħamsa u tmenin fil-mija tal-manifest elettorali.
Huwa qal li miegħu kulħadd jaf fejn qiegħed fis-setturi l-aktar kruċjali ta’ dan il-pajjiż bħall-ekonomija u l-qasam tax-xogħol.
“Matul din il-leġislatura jien żammejt kelmti. Fil-leġislatura li jmiss, jekk terġgħu tagħtuni l-fiduċja, nerġa nżomm kelmti. Miegħi u t-tim tiegħi, tafu fejn qegħdin, u fejn nistgħu naslu. Raskom mistrieħa mix-xogħol, ġid u stabilità. Ma’ ħaddieħor tieħdu biss konfużjoni, argumenti u instabilità.”
Fid-diskors tal-Prim Ministru spikkat ir-rieda li min sejjer tajjeb ikompli jagħmel dan iżda dawk vulnerabbli se jingħataw il-ħarsien soċjali kif jixraq lil pajjiż li l-valur tal-għaqda huwa akbar minn kull differenza li jista’ jkollu l-poplu.
“Meta se nkomplu din it-triq flimkien, se naraw li min jiflaħ jiġri, inħalluh aktar biex jasal kemm tiflaħ l-ambizzjoni tagħha u tiegħu. Iżda se noqgħodu attenti aktar minn qatt qabel li ħadd ma jaqa’ lura, għaliex aħna tim wieħed, pajjiż wieħed, li jista’ jkollna d-differenza tagħna bħala poplu, iżda we stick together.”