Wara li fil-jiem li għaddew sar magħruf li l-Gvern Malti waqqaf it-taħdidiet li kellu mal-Alitalia dwar l-Airmalta, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis għamel stqarrija Ministerjali fil-Parlament.
Zammit Lewis qal li l-Gvern waqqaf id-diskussjonijiet mal-Alitalia fid-dawl tas-settur dinamiku li laqat lil-linja Taljana. Kien għalhekk li l-Gvern waqqaf dawn in-negozjati fl-interess tal-kumpanija tal-ajru Maltija. Il-Ministru tenna l-ħsieb li l-Gvern isib sieħeb strateġiku li jaqbel lill-Airmalta.
Huwa xejjen ix-xniegħat li dehru li l-Gvern huwa lest li jbiegħ l-Airmalta akkost ta’ kollox. Hawnhekk il-Ministru Zammit Lewis fisser kif il-fatt li waqfu t-taħdidiet mal-Alitalia juru li l-Gvern Malti mhux lest li jitlef il-kontroll tal-linja tal-ajru Maltija.
Zammit Lewis tah elenku għax-xogħol siewi li qed isir fi ħdan l-Airmalta fejn is-sena finanzjarja li ġejja mistennija li tkompli tilħaq l-għanijiet. “Irridu niftakru minn fejn tlaqna. L-Airmalta kienet ilha tagħmel it-telf sa mill-2003 u issa qed topera f’rotot li jagħmlu l-qliegħ”, spjega Zammit Lewis.
Żied jgħid, “Irridu nwelldu Airmalta ġdida li tkun vijabbli kummerċjalment”. Huwa temm l-istqarrija Ministerjali billi spjega li meta l-Gvern ikollu xi ħaġa konkreta f’idejh, imur quddiem l-istakeholders u l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż sabiex jinforma bl-aħħar żviluppi dwar l-Airmalta.