“Fadlilna x’naħdmu. Ikkonvinċu lil kulħadd dwar l-importanza tal-vot tagħhom.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni li kellu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela għall-folla sabiħa li attendiet għar-Rally tal-Partit Laburista fit-Trade Fair Grounds fin-Naxxar.
Dr Abela spjega li quddiem din il-kampanja elettorali rridu nkunu Tim Malta flimkien hekk kif fil-jiem li ġejjin il-Partit Laburista se jkun qed iħabbar aktar proposti biex kulħadd jingħata l-istess opportunitajiet.
“Jekk dan kollu li qed nitkellem dwaru magħkom illum temmnu fih, allura l-istedina tieghi hi biex naħdmu għalih flimkien. Tieħdux l-affarijiet for granted. Fadlilna x’naħdmu. Ikkonvinċu lil kulħadd dwar l-importanza tal-vot tagħhom. Irridu nkunu Team Malta flimkien. U kull player fit-team għandu sehem x’jagħti u jrid ikun parti mid-deċiżjoni. Deċiżjoni li se tiddetermina x’Malta nħallu lil uliedna.”
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota d-differenza bejn il-kampanja pożittiva li qed immexxi hu u min reġa’ għandu kampanja ankrata fil-passat.
“Sebat ijiem għaddew malajr. Iżda ħames snin huwa perjodu twil. Min f’sebat ijiem wera kif f’sittin xahar ma rnexxilux jipprepara għal tletin jum ta’ kampanja elettorali, ma jistax ikun fdat imexxi l-pajiiż għal ħames snin sħaħ.”
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela
Propju jum wara li bint il-Prim Ministru u martu, għalqet 10 snin, Dr Abela sostna wkoll l-importanza tal-għajnuna lill-ġenituri.
Dr Abela sostna li kif hu flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela ħadmu qatigħ sabiex joffru futur mill-isbaħ lil binthom, bl-istess mod Gvern ġdid immexxi minnu, jekk jingħata l-fiduċja, se jaħdem biex joffri futur mill-isbaħ lill-familji.
“Bħalma kulħadd irid ikollu l-istess opportunità biex jaħdem, biex jixtri daru, kulħadd irid ikollu l-istess opportunità biex jibni l-familja tiegħu. Irridu bħala pajjiż nagħtu appoġġ sħiħ lill-ġenituri. Minn meta jiġu biex isiru ġenituri, għal meta t-tfal jibdew l-iskola. Għal meta b’sagrifiċċju t-tfal minflok joħorġu jaħdmu, ikomplu jistudjaw.”
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela
Il-Prim Minsitru rrimarka t-tim b’saħħtu ta’ kandidati li għandu l-Partit Laburista għal din l-elezzjoni ġenerali. Tim li jagħti garanzija għal futur mill-isbaħ għal Malta.
Madankollu Dr Abela tenna li s-saħħa ewlenija tal-Partit Laburista ġejja mill-element b’saħħtu ta’ għaqda li għandu fi ħdanu.
Għaqda li wasslet biex fl-aħħar snin jittieħdu l-aqwa deċiżjonijiet għal Malta.