Matul laqgħa mal-kumitat eżekuttiv il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li, waqt li saru ħafna riformi biex il-mara tkompli tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha f’pajjiżna, jeħtieġ li nkomplu nilqgħu għar-realtajiet ġodda li qed tiffaċċja s-soċjetà llum.
Il-Prim Ministru sostna l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u kif iċ-childcare b’xejn wassal biex il-mara terġa’ tibda taħdem wara li jkollha l-ewwel wild. Semma wkoll il-liġi tal-IVF fejn, mill-elfejn u tlettax ’il hawn, twieldu ħames mija u disgħin tarbija.
Dwar it-tielet strateġija kontra l-vjolenza domestika, il-Prim Ministru sostna li din qed tiffoka aktar fuq il-prevenzjoni tagħha, bl-introduzzjoni ta’ mezzi teknoloġiċi li jgħinu lill-vittma tal-vjolenza domestika.
Strateġija oħra li wkoll għandha lin-nisa fiċ-ċentru tagħha hi dik dwar it-traffikar tal-persuni li, għalkemm in-numru f’pajjiżna jibqa’ relattivament baxx, xorta waħda saru sforzi leġiżlattivi biex jitnaqqas l-ammont ta’ vittmi, fosthom bir-regolarizzazzjoni tat-temping agencies u t-twaqqif ta’ helplines apposta.
Dr Abela qal li l-mara trid tittieħed f’kuntest usa’, b’mod partikolari, fejn tidħol it-trobbija tat-tfal u l-familja.
Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, Dr Rebecca Berry Wellman, flimkien mat-teżorir Iona Baldacchino u l-eżekuttiv, irrikonoxxew ħidmet il-Gvern f’dan ir-rigward u sostnew li ċ-childcare b’xejn hi waħda mill-aktar miżuri li jħossu li għenet lill-mara biex tibbilanċja bejn il-familja u l-karriera.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Rebecca Buttigieg, flimkien mal-Whip tal-Gvern Naomi Cachia.