Irridu ninvestu fikom. Dak kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-inawgurazzjoni tal-korsa l-ġdida tal-atletika fil-Marsa li issa laħqet livell Olimpiku.
Dan il-proġett tar-rinovar tal-korsa tal-atletika fil-Marsa Sports Ground sewa madwar €600,000. Grazzi għal dan l-investiment din il-korsa issa se tkun tista’ tilqa fiha kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali.
Ix-xogħol estensiv li sar fil-Faċilita tal-Atletika tal-Marsa kien jinkludi il-qlugħ tal-wiċċ sintetiku kollu, tiswijiet fuq il-wiċċ tal-asfalt u kif ukoll saru bosta xogħlijiet ta’ rinovar tal-faċilitajiet sportivi l-oħra fi ħdan il-kumpless.
Il-Prim Ministru qal li l-qasam sportiv huwa ferm għall-qalb il-Gvern, u fiż-żmien li ġej, se naraw aktar investimenti f’aktar faċilitajiet sportivi, iżda fuq kollox investiment, u tħaddim bis-serjetà ta’ Strateġija Nazzjonali tal-Isport.
Il-Prim Ministru qal li f’pajjiżna għandna bżonn mentalità ta’ winners, ta’ rebbieħa, ta’ poplu li għalkemm li jaf li għandu l-limitazzjonijiet tiegħu, jaf iżda li għandu l-potenzjal biex jikseb aktar.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li permezz tal-proġetti sportivi li qegħdin isiru se nkomplu niġbdu lejn pajjiżna t-turiżmu sportiv fejn ikollna timijiet u klabbs barranin f’pajjiżna.
Iċ-Chairman ta’ Sports Malta Luciano Busuttil qal li dan il-proġett jagħmel parti minn programm estensiv ta’ finanzjament għat-titjib ta’ faċilitajiet sportivi, li se jkunu qed jospitaw il-Logħob tal-Pajjiżi z-Żgħar tal-Ewropa f’Malta fl-2023