“Nafu x’inhi l-viżjoni tagħna u la tkun taf fejn trid tmur tasal.”
Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista politika l-Ħadd filgħodu meta mistoqsi dwar il-qasam tad-drittijiet ċivili.
Dan b’rabta mal-aħħar punteġġ mill-aqwa li rċieva pajjiżna mill-ILGA Europe.
Dr Abela rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu għall-progress li għamel pajjiżna u tenna li dan il-Gvern se jibqa’ jimmira fl-ogħli.
Il-Prim Ministru sostna, “Din is-sena ġibna l-aqwa 94% tgħidli sodisfatt? Ngħidlek iva imma mhux biżżejjed u l-ambizzjoni tagħna hemmhekk tkun li nilħqu l-100% u se nilħquh għax nafu x’inhi l-viżjoni tagħna u la tkun taf fejn trid tmur tasal. Imma minn fejn tlaqna? Tlaqna fl-2013 fejn l-iscore tagħna kien ta’ 35%.”
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għar-riforma fil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis u rrimarka l-inġustizzji ma’ dawk li jagħmlu użu mill-Kannabis.
Kien b’hekk li l-Prim Ministru sostna l-importanza ta’ din ir-riforma hekk kif issa ngħalqet il-konsultazzjoni pubblika dwarha. Konsultazzjoni suċċess li laqgħet 350 konsultazzjoni minn nies u entitajiet minn kull sfera tas-soċjetà.
Il-Prim Ministru rrimarka n-nuqqas tal-Oppożizzjoni fuq suġġett tant importanti, fejn naqset milli titfa’ s-sottomissjoni tagħha.
L-Antroploga Rachel Scicluna faħħret il-Gvern għall-konsultazzjonijiet li wettaq mal-pubbliku favur ir-riformi li wettaq fl-aħħar xhur.
Scicluna qalet, “Ikolli ngħid li dan l-avvanz sar fi żmien qasir ħafna u jrid ikollok kuraġġ biex tagħmel xi ħaġa bħal din speċjalment fi żmien ta’ pandemija perà qed naraw li meta inti tisma jirnexxielek toħloq dan il-bilanċ.”
L-istudenta Rianne Demicoli faħħret l-għajnuna li pprovda l-Gvern lill-istudenti fosthom internet u trasport b’xejn.
Demicoli rrimarkat, “Kieku ma kellix it-transport b’xejn kont inħallas €2 kuljum biex immur u biex niġi. Immaġina €4 kuljum għal 5 ijiem fil-ġimgħa. Kieku naħseb ma kontx naffordja biex nitla’ fl-iskola li xtaqt jien fl-aħħar mill-aħħar.”
Dwar il-vaċċin, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li fil-jiem li ġejjin f’pajjiżna se jkunu ngħataw man-nofs miljun doża. Saħaq li huwa kruċjali li kulħadd jieħu l-vaċċin sabiex jibqa’ jiġi protett il-poplu.
Saħaq li dan mhux Gvern li se jsabbat siequ quddiem elementi ta’ skuntentizza dwar l-istrateġija tal-Gvern dwar il-pandemija, madankollu rrimarka l-importanza li pajjiżna jiftaħ bi strateġija ħalli ma tiġix preġudikata l-ħidma kollha li saret sa issa.
Dr Abela sostna, “Dan l-approach gradwali staggered ta’ kif nirrilaxxaw il-miżuri restrittivi nifhem li se jkun hemm min se jkollu element ta’ skuntentizza, nifhem kompletament però ejja naraw is-sitwazzjoni b’mod ħolistika u naraw l-istampa fl-intier tagħha u nifhmu li ma nistgħux nissugraw li dak kollu li rbaħna b’tant sagrifiċċju li sar minn kulħadd nissugrawh.”
Il-Prim Ministru faħħar lil Destiny, li propju jum qabel kellha prestazzjoni mill-aqwa fil-finali tal-Eurovision u awgurala għall-futur tagħha.