Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-Membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta għal-laqgħa annwali tal-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.
Fl-isfond tan-noti tal-pjanu b’melodiji ta’ kanzunetti tradizzjonali Maltin, il-Prim Ministru ħa b’idejn l-ambaxxaturi u tkellem fil-qosor ma’ kull wieħed u waħda minnhom dwar temi diversi.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħala komunità internazzjonali rridu nibqgħu nkunu kuraġġużi u nesprimu t-tħassib tagħna meta l-paċi hi mhedda.
Dan issemma fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna, fejn innota li Malta għandha għan ewlieni li taħdem fuq il-paċi, u rrimarka għal pożizzjoni kollettiva b’saħħitha li ttieħdet mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea favur solidarjetà mal-poplu Ukren u appoġġ għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
Dr Abela semma wkoll il-ħidma ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà biex it-tibdil fil-klima jkun fuq nett tal-aġenda, u fakkar kif l-inizjattiva tal-Gżejjer għall-Gżejjer li ħabbret Malta fi Glasgow waqt il-COP26 tkompli taħdem biex l-ekonomiji ta’ gżejjer żgħar madwar id-dinja jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiċi favur żvilupp sostenibbli.
Il-Prim Ministru rrefera għal missjoni ta’ promozzjoni ta’ kummerċ fil-Ghana li se ssir il-ġimgħa d-dieħla u semma n-negozjati anki fuq livell Ewropew għal ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ New Zealand u l-Awstralja. Qal ukoll kif l-Indja huwa pajjiż li jirrappreżenta potenzjal għal aktar koperazzjoni kummerċjali mal-kontinent Ewropew.
Quddiem l-Ambaxxaturi minn kull rokna tad-dinja, Dr Abela qal kif Malta żiedet il-preżenza diplomatika tagħha bil-ftuħ ta’ ambaxxata fil-Brażil u l-ftuħ ta’ konsolati f’pajjiżi bħall-Marokk, il-Ghana u l-Qatar.
Filwaqt li awgura għal aktar kollaborazzjoni, il-Prim Ministru tenna l-impenn li Malta tibqa’ sieħeb affidabbli fi djalogu favur il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità.