Artiklu li qed jidher fuq is-sit elettroniku tal-aħbarijiet The Guardian qed jitfa’ dawl fuq kif il-mexxejja Ewropej qed jirriffjutaw li jirrepetu l-iżbalji li saru minn predeċessuri tagħhom, u joffru mexxejja li verament iridu ċ-ċittadini Ewropej: mexxejja li jaħdmu għal Ewropa ta’ prosperità, solidarjetà, u paċi.
Fost it-tmien awturi ta’ dan l-artiklu, hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-artiklu jispjega kif seklu wara l-Gwerra l-Kbira, il-kontinent qed jerġa’ jaffaċċja sfidi ta’ diviżjonijiet, iżda l-mexxejja Ewropej qed jirriffjutaw li jħallu l-proġett Ewropew jisfaxxa fix-xejn.
Tmien xhur biss qabel 27 pajjiż se jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-appell tal-mexxejja huwa sempliċi: li l-Ewropa tinbena mill-ġdid u tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini kif imwiegħed.
Bħalissa l-Ewropa għaddejja minn sfidi ekoloġiċi, ekonomiċi, u sfidi relatati mal-migrazzjoni. Qed taffaċċja sfidi biex tilħaq ir-rieda taċ-ċittadini tagħha, u donnha ma tistax iżżomm ċertu impenji minħabba nuqqas ta’ viżjoni u funzjoni.
Iżda t-tmien awturi tal-artiklu qalu li l-wegħda Ewropea mhux mitlufa, u dan huwa rifless f’liġijiet mgħoddija fl-aħħar żmien dwar ħaddiema li jaħdmu barra minn xtuthom u dwar id-difiża. Dawn juru li l-Ewropa tibqa’ miexja ‘l quddiem meta r-rieda politika titfassal madwar proġett ċar u ambizzjuż.
Il-pjan għal dawn il-mexxejja biex l-Ewropa tinbena mill-ġdid huwa ċar:
Minflok inċedu għat-theddid li ‘nnaddfu’ l-kontinent bħal ma qal Matteo Salvini, jew li l-Ewropa teħles mill-Iżlam skont l-AfD fil-Ġermanja, jew li saħansitra l-Ewropa tiżżarma kompletament, skont ir-rieda ta’ Marine Le Pen, il-veru mexxejja se jkomplu jibnu fuq il-valuri li 50 sena ilu welldu l-Unjoni Ewropea:
Il-paċi, il-libertà, il-prosperità, u s-solidarjetà.
Il-Mexxejja qed jordnaw li jkun hemm rispett sħiħ lejn ir-Rule of Law u l-istituzzjonijiet demokratiċi, u qed isejħu għal Ewropa Sovrana li lesta tieħu azzjoni f’kwistjonijiet fejn Stat Membru waħdu ma jistax jirnexxi, fid-difiża, fl-ekonomija, il-politika soċjali, il-bidla diġitali, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni.
Il-metodu huwa ċar: xejn mhu se jkun eskluż f’dan il-vjaġġ biex l-Ewropa tinbena mill-ġdid, lanqas riformi ta’ trattati Ewropej. L-Ewropa għandha tkun iktar b’saħħitha, u se tħalli l-bibien tagħha miftuħa għal min irid jagħmel dan il-vjaġġ magħha.
L-Ewropa għandha t-tmien xhur li ġejjin biex turi liċ-ċittadini tagħha li huma ħaqqhom Ewropa ġdida u b’saħħitha. Fi kliem ieħor, l-Ewropa għandha biss tmien xhur biex verament tqum fuq tagħha. 4
Apparti l-Prim Minstru Muscat, l-awturi ta’ dan l-artiklu huma: Christophe Castaner, il-president ta’ La République En Marche!; Olivier Chastel, il-president tal-Mouvement Réformateur fil-Belġju; Dacian Cioloş, eks Prim Ministru Rumen; Alexander Pechtold, il-Mexxej tal-Partit Demokratiku fl-Olanda; Matteo Renzi, eks Prim Ministru Taljan; Albert Rivera, Mexxej ta’ Ciudadanos, fi Spanja; Guy Verhofstadt, il-President tal-ALDE Group fil-Parlament Ewropew u eks Prim Minstru tal-Belġju.