Dan kien il-qofol tal-messaġġ tal-President ta’ Malta waqt iċ-ċerimonja f’għeluq l-ewwel Qaritona Nazzjonali fl-iskejjel primarji organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u minn The President’s Trust bl-appoġġ ta’ Remax and Friends u l-Bank APS.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-qari għandu jsir il-passatemp ta’ ħafna għax “il-qari m’għandniex bżonnu biss fi tfulitna imma għandna bżonnu f’kull mument u f’kull żmien. Il-qari hu ċ-ċavetta biex niksbu l-għerf u l-għerf ma takkwistahx biss meta tkun l-iskola imma tibqa’ takkwistah f’kull mument tal-ħajja”.
Il-President inkoraġġiet lit-tfal biex ikomplu jaqraw u appellat biex iħeġġu lil sħabhom, lil ħuthom u lill-ġenituri tagħhom biex huma wkoll jaqraw “biex b’hekk il-qari jsir il-passatemp nazzjonali tagħna u nassiguraw li pajjiżna jkollu ħafna ħassieba kritiċi, nies kreattivi u innovattivi”.
Il-President irringrazzjat lill-għalliema u lill-kapijiet tat-22 skola li ħadu sehem fil-Qaritona Nazzjonali talli għenu biex l-ewwel Qaritona tkun suċċess. Il-President irringrazzjat ukoll lil Samuel Farrugia u lil Karl Abela – iż-żewġ ambaxxaturi tal-Qaritona Nazzjonali tal-ispirazzjoni li jagħtuha.
“Sam u Karl f’ħajti kienu importanti ħafna għax għenuni naħseb iktar u nkun iktar profonda fil-ħsieb tiegħi. Bis-saħħa tagħhom u bis-saħħa tax-xogħol li t-tfal wettqu fl-iskejjel flimkien mal-għalliema u mal-kapijiet, mhux biss se ngħidu li qrajna ħafna kotba imma ħa nkunu qed nagħmlu differenza fil-ħajja tal-istudenti li għandhom bżonn devices li jistgħu jassistuhom fil-qari”, tenniet il-President filwaqt li ħabbret li The President’s Trust se tkopri l-kumplament tal-ispiża biex jiġi assigurat li jintlaħqu kull tifel u tifla li għandhom bżonn assisted devices biex ikunu jistgħu jaqraw.
Fl-aħħar nett il-President Coleiro Preca spjegat li l-Qaritona Nazzjonali hi ċelebrazzjoni kbira ta’ inklużjoni li tkompli tikkonferma l-impenn tagħna għall-inklużjoni. Permezz ta’ din il-kampanja t-tfal għamlu statement qawwi li bih jikkonfermaw li jridu jibqgħu jimpurtahom minn ħaddieħor – “valur li ħallewlna ommijietna u missirijietna li aħna rridu nkomplu ngħożżuh u nġedduh”.
Il-President faħħret u rringrazzjat lil The President’s Trust li għal darba oħra, permezz ta’ kollaborazzjoni, uriet kemm jiġru affarijiet utli għas-soċjetà Maltija u Għawdxija meta jinħolqu sinerġiji bħal dik li nħolqot mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Fil-Qaritona Nazzjonali ħadu sehem madwar 1,000 student minn 22 skola primarja li bejniethom ġabru €8,600. L-istudenti li ġabru l-aktar minn kull skola ġew ippreżentati b’medalja kommemorattiva. Waqt iċ-ċerimonja ġie ppremjat ukoll l-istudent li rnexxielu jiġbor l-aktar fondi fost l-istudenti kollha Alexander Ceesay – student mill-Iskola Primarja tal-Imġarr Kulleġġ St Nicholas – li ngħata wkoll rikonoxximent mill-President Coleiro Preca billi ħawwel siġra f’ismu fil-President’s Kitchen Garden.
L-iskejjel li pparteċipaw kienu: l-Iskola Primarja ta’ Bormla, Kulleġġ Santa Margerita; il-Kulleġġ De La Salle; l-Iskola Primarja ta’ Ħad-Dingli, Kulleġġ St Nicholas; l-Iskola Primarja tal-Għargħur, Kulleġġ Maria Reġina; l-Iskola Primarja tal-Gudja, Kulleġġ San Benedittu; l-Iskola Primarja tal-Marsa, Kulleġġ San Ġorġ Preca; l-Iskola Mater Boni Consilii (St Joseph); l-Iskola Primarja tal-Mellieħa, Kulleġġ Maria Reġina; l-Iskola Primarja tal-Imġarr, Kulleġġ St Nicholas; l-Iskola Primarja B tal-Mosta, Kulleġġ Maria Reġina; l-Iskola Our Lady Immaculate tal-Ħamrun; l-Iskola Primarja ta’ Ħal Qormi, San Bastjan, Kulleġġ San Injazju; l-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex; il-Junior School tal-Kulleġġ Sacred Heart; l-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, Kulleġġ San Benedittu; l-Iskola San Andrea; l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, Kulleġġ San Injazju; il-Kulleġġ St Martin’s; l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, Kulleġġ Maria Reġina; l-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, Kulleġġ San Ġorġ Preca; l-Iskola Primarja tax-Xewkija, Għawdex u l-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, Kulleġġ Santa Margerita. Minn dawn, il-Kulleġġ Sacred Heart kienet l-iskola li l-aktar ġabret flus segwita mill-Iskola San Andrea.