F’Ħaż-Żebbuġ, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar dik li ddeskriva bħala għażla ġenerazzjonali. Għażla fejn il-pajjiż irid jagħżel jekk jgħamilx qabża ‘l quddiem jew jibqa’ fejn hu.
“Ninsabu f’mument fl-istorja ta’ pajjiżna fejn irridu verament ngħażlu t-triq ‘il quddiem. Din hija xi ħaġa li nemmen fiha b’saħħti kollha,” saħaq Joseph Muscat li ffoka l-messaġġ tal-Ħadd dwar din it-tema.
Il-Prim Ministru rrefera għal dikjarazzjonijiet tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali li qal li pajjiżna għandu l-perikli ta’ dik il-karozza antika li miexja b’veloċità kbira. Joseph Muscat qal li dik il-karozza tista’ tasal, imma biex tasal aħjar tista’ tinbidel u tgħamel l-investiment.
“Jew nikkuntentaw b’li għandna jew nagħmlu qabża ‘l quddiem. Din hi f’ħafna oqsma… L-ekonomija l-iktar waħda ċara. Imma hemm ħafna oqsma,” qal Joseph Muscat li fisser kif meta tieħu l-pass ‘il quddiem se tiffaċja riskji, perikli u sagrfiċji. Iżda l-premju huwa ikbar ukoll.
Hawn,il-Prim Ministru fisser kif lil ta’ warjna rridu nħallulhom xi ħaġa li jistgħu jibnu fuqha għal quddiem.
“Dan il-moviment mhux se jikkuntenta ruħu b’dak li għandna,” kompla Muscat li tenna li l-Partit Laburista se jaħdem biex ikollna dejjem iktar.
“Mhux se niddieħku b’min irid iżomm il-brejkijiet. Imma aħna rridu nuru għaliex għandna nimxu iktar ‘il quddiem,” kompla l-Prim Ministru li tenna kif illum qed ngħixu sitwazzjoni fejn għandna mhux biss l-inqas rata ta’ nies bla xogħol iżda wkoll l-inqas numru ta’ nies f’din is-sitwazzjoni.
“Illum id-diskussjoni tkun jekk għandniex bżonn iktar nies biex inżidu x-xogħol. Jekk għandniex bżonn il-barranin. Jekk għandniex inġibu iktar investiment,” saħaq il-Prim Ministru li tenna li l-mument li nikkuntentaw b’dak li għandna huwa l-mument li nibdew infallu.
“Fil-verità hija llużjoni li l-ekonomija, il-ħajja, tista’ tgħamillha pause,” kompla Joseph Muscat li tkellem dwar kif fil-ħajja rridu nibqgħu mexjin ‘il quddiem.
“Din hi d-deċiżjoni l-kbira li jrid jieħu dan il-pajjiż… sa inqas minn għaxar snin ilu d-diskussjoni kienet tkun li m’hawnx xogħol biżżejjed… Illum id-diskussjoni hi liema xogħol irridu għalina u liema xogħol irridu nagħtu lill-barranin,” qal il-Prim Ministru.
Pjan biex nikbru
“Il-pjan ta’ dan il-gvern hu pjan biex nikbru. Mhux pjan biex nibqgħu fejn qegħdin,” qal Joseph Muscat li fisser kif din hi deċiżjoni li tiġi darba kull tant ġenerazzjonijiet.
Joseph Muscat spjega kif il-bidla qed issir fil-qasam tal-blockchain. “Sa issa kellna 259 applikazzjoni li kienu mħejjija u preżentati minn Novembru l’hawn,” qal il-Jospeh Muscat li rrefera għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista bħal donnu jifirħu għax kumpanija minn dawn kollha għalqet. Qal li din tikxef lil min jibgħat stqarrija bħal din. “Mhux veru tkun qed tieħu pjaċir bil-ġid,” qal il-Prim Ministru b’referenza għal min joħroġ stqarrijiet ta’ dan it-tip.
L-istess tip ta’ kritika wkoll fuq il-proġetti infrastrutturali u hawn tkellem dwar kif beda l-proġett ta’ €700 miljun biex f’seba’ snin ikunu nbiddlu t-toroq kollha tal-pajjiż.
“L-ideat li rridu għal dan il-pajjiż huma ta’ proġetti li jridu jeħduna f’dimensjoni totalment differenti. Id-diskussjoni għal lum u għal għada mhix ux se jkollok lukanda oħra. Id-diskussjoni trid tkun li jkollna settur tat-turiżmi li qatt ma rajna,” qal Muscat
Qal li meta jitkellem ma’ investituri jgħidulu li l-iktar li jonqosna hi l-infrastruttura u dan mhux biss it-toroq. “Illum il-ġurnata diġa’ jeżistu sitwazzjonijiet fejn immoru f’lukandi fejn joħdulek tnejn, tliet ikmamar, ġieli kellna delegazzjoni fejn wieħed sular sħiħ… jekk irridu dawn in-nies irridu nipprovdu proġetti li verament iħarsu ‘l quddiem. Dan mhux kulħadd jarah. Mingħalina li bil-karozza antika li għandna nistgħu nsuqu b’dik il-veloċità… f’dawn l-affarijiet u fl-affarijiet kollha rridu ngħidu li jew se nikkuntentaw b’li għandna jew immorru iktar ‘il fuq,” qal il-Prim Ministru.
Qal li dan għandu jsir b’viżjoni ta’ fejn irridu mmorru.
“Jien irrid immur bħala pajjiż, fil-qasam tat-turiżmu, f’sitwazzjoni fejn il-Maltin, uliedna, jerġgħu jaraw karriera fil-qasam tat-turiżmu,” kompla l-Prim Ministru li tenna li l-mudell turistiku li għanda llum hu bbażat fuq il-cost. Hawn il-Prim Ministru spjega kif dan iwassal biex il-ħaddiem iż-żgħir ikollu pagi aħjar milli għandu llum. Meta kien qed jitkellem fuq il-proġett tal-Corinthia, Joseph muscat, tkellem dwar kif il-gvern hu pro business għax jgħin l-investituri jgħamlu dawn il-proġetti jimpjegaw il-Maltin u ntellgħu il-livell tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Jekk irridu nibqgħu kif aħna, nibqgħu kif aħna. Li jkollna l-jobs tal-minimum wage… jekk irridu li anke l-iktar jobs umli fil-qasam turistiku jkunu mħarrġa u mħallsa aħjar mela segwuna biex verament inkunu nistgħu nġibu dan it-tip ta’ investiment lejn pajjiżna. Investiment barrani u investiment Malti wkoll. U filwaqt li naraw li kwalunkwe tip ta’ suġġeriment li jkun leġittimu, tal-affari tiegħu, ġenwin nilqugħ. L-aqwa li jkun hemm level playing field,” sostna l-Prim Ministru.
Qal ukoll li ma jaċċetax lectures minn naħa tal-oppożizzjoni li meta kienet fil-poter ħadet deċiżjonijiet totalment differenti minn dak li tippriedka dwaru. “Smart City kollha kienet bil-€1.75 kull metru kwadru. Maduma waħda li se nbiegħu lil Corinthia kont tixtri Smarty City kollha. Mhux se nieħu lectures minn min meta nnegozja favur pajjiżna rema kollox. Mhux se nieħu lectrues minn min meta bdejna ninnegozjaw fl-2014 ħarġu favur… is-sabiħa hi li minn dak iż-żmien l’hawn żidna l-prezz. Minn kif bdejna fl-2014 u kif ikkonkludejna żidna l-flus li l-Corinthia jridu jħallsu l-gvern,” qal Joseph Muscat.
“Ma ngħamlux mod li din xi ġlieda interna fil-Partit Nazzjonalista? Biex tribu tagħti lill-oħra. Għax wisq qed nissuspeta li hekk l-affarijiet. Għax klikka ħarġet favur, klikka ħarġet kontra,” qal Joseph Muscat li tenna m’għandniex nitfgħu l-investiment f’periklu b’dan il-mod.
“Dan il-gvern jagħmel li hemm bżonn għall-pajjiż,” qal Joseph Muscat li tenna kif din mhix kwistjoni ta’ lukanda. “Hija kwistjoni ta’ fejn irridu naslu,” żied Joseph Muscat li fakkar kif dan kien l-ewwel gvern li qala l’ fuq lil min hu fuq il-paga minima. Għalkemm tenna li dan mhux biżżejjed. “Illum id-diskussjoni leġittima hi kemm taqla’ flus għax-xogħol li għandek,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru saħaq dwar kif min hawn u ftit ġimgħat oħra se jkun f’pożizzjoni li jħabbar investiment ieħor f’qasam differenti li juri kif da nil-gvern qed jaħseb fil-futur.
“Xogħol li jħallas ferm aħjar milli hemm illum anke fis-settur fejn se nħabbru dan l-investiment. Din hi l-għażla. Ħaddieħor mifxul, mgħandux viżjoni. U dan il-gvern li għandu viżjoni għall-futur,” qal Joseph Muscat.