L-elezzjoni għall-Mexxej tal-Partit Laburista f’Jannar li għadda wriet kemm il-moviment Laburista huwa wieħed magħqud u b’saħħtu.
Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu, fejn saħaq ukoll li l-elezzjoni interna tal-Partit Laburista ħarġet fil-beraħ il-firda li bħalissa hemm fil-Partit Nazzjonalista.
“Il-Proċess ta’ ta’ kap ġdid tagħna kellu żewġ konsegwenzi, ħareġ l-għaqda intrinsika li hemm fil-partit Laburista u ħareġ il-firda intrinsika li hemm fil-Partit Nazzjonalista…Għax waqt li aħna konna rġiel u fihma li l-Partit jiġi qabel l-individwu, il-Partit Nazzjonalista qed juri li għalihom l-individwu jiġi qabel il-Partit u qabel il-pajjiż”, stqarr Dr Fearne.
Fl-indirizz tiegħu waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja l-President tal-Partit Laburista l-Perit Daniel Micallef qal li rridu nagħtu ġieħ u nfakkru t-tajjeb li sar tul is-snin kemm ilu mwaqqaf dan il-Partit, fosthom il-ħafna drittijiet lil dawk li kienu fil-minoranza. Iżda Micallef żied jgħid li mil-lum irridu nħarsu ‘l quddiem sabiex bħala moviment inwittu t-triq lejn il-futur.
“Filwaqt li nfakkru l-passat l-obbligu ewlieni tagħna hu li nfasslu l-futur u għalhekk matul din is-sena ser inkunu għaddejin bi proċess ta’ tiġdid fuq kull livell, għandna ħafna tajjeb! M’hemx bżonn rivoluzzjonijiet kif qed isemmi ħaddieħor, aħna ħa naħdmu biex inġeddu”, sostna l-President tal-Partit.