“Irridu negħlbu s-silenzju.” Dan huwa l-messaġġ li għaddiet mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, f’kitba ta’ opinjoni fuq il-gazzetta ‘It-Torċa’.
Qalet li dan huwa messaġġ ċar għal dawn is-sittax-il jum ta’ attiviżmu dwar aktar kuxjenza dwar i -vjolenza domestika.
Dr Abela qalet li ma nistgħux inkunu passivi u nħallu t-tbatija u s-sofferenzi jirkbu fuq l-umanità u d-dinjità tal-bniedem.
Mart il-Prim Ministru sostniet li dawn il-vittmi ma jridux lil min jitħassarhom, iżda min ikun hemm għalihom, jismagħhom u jipproteġihom.
Qalet li għaddejja ħidma fejjieda fis-settur u rrimarkat dwar ir-rapport Valenzia wara l-femiċidju ta’ Bernice Cassar, li qed jiġi implimentat fl-intier tiegħu u diġà ġew implimentati sebgħin fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet.
Lydia Abela semmiet li ddaħħlu liġijiet ġodda li jmorru id f’id ma’ aktar miżuri mħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla, fosthom l-introduzzjoni tal-panic alarms, li javżaw lill-Pulizija meta persuna tkun f’riskju ta’ vjolenza domestika.
Semmiet ukoll li għaddejja ħidma fuq hubs li se jieħdu l-forma ta’ ċentri attrezzati li joffru ambjent denju għal vittmi ta’ vjolenza domestika.
Ma’ dawn saħqet fuq l-importanza tal-edukazzjoni, li hija ċ-ċavetta ta’ kollox.
“Dawn l-inizjattivi fejjieda flimkien ma’ oħrajn li għad iridu jiġu, iwassluna biex nindirizzaw ir-realtà tal-vjolenza domestika. Dan huwa dak li kommessi nibqgħu nagħmlu imqar jekk tibqa’ persuna waħda biss tbati waħidha. Konvinti li flimkien nistgħu negħlbu s-silenzju.”, temmet tgħid Dr Lydia Abela.