Waqt it-tielet laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku għal din is-sena, is-sħab soċjali tkellmu rigward l-aħħar żviluppi fuq il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – proprju dwar it-tħejjijiet tal-Gvern Malti għal Brexit. Dan wara li ngħataw preżentazzjoni dettaljata dwar din it-tema importanti mill-Kap tas-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea, Glenn Micallef.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Gvern ħa ħsieb illi l-pajjiż jkun preparat għal kull eventwalità, b’mod partikolari fil-każ illi r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ebda qbil. Dan aktar u aktar meta fadal biss ftit jiem sad-29 ta’ Marzu, li hija d-data uffiċjali tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Madanakollu, Helena Dalli rrikonoxxiet ukoll li qed tiġi kkunsidrata l-possibiltà ta’ estenzjoni, f’każ li l-Prim Ministru Ingliż Theresa May ma tiksibx l-appoġġ meħtieġ biex tipproċedi mod ieħor fil-jiem li ġejjin.
Minkejja din l-inċertezza politika min-naħa tar-Renju Unit, il-Ministru saħqet li l-Gvern għamel dak kollu possibbli biex aħna nkunu l-aktar pajjiż tal-Unjoni Ewropea qrib tar-Renju Unit, u dan biex iserraħ ras il-komunità Brittanika f’Malta waqt li joffri spazju ta’ kenn għall-investituri. F’dan il-kuntest, Dr Dalli żiedet li l-Gvern qed jaħdem fuq żewġ binarji – il-futur immedjat u dak aktar ’il bogħod – biex kemm jista’ jkun itaffi l-impatt ta’ tluq mhux ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Huwa għalhekk li ċ-ċittadini Brittaniċi residenti f’pajjiżna huma infurmati u jaqblu mat-tħejjijiet tal-Gvern Malti, sew fuq livell lokali u kif ukoll fuq livell Ewropew, temmet il-Ministru Dalli.
L-istess sentiment ta’ serħan il-moħħ kien rifless fl-interventi tas-sħab soċjali li b’mod ġenerali qablu mad-direzzjoni tal-Gvern li dwarha hemm ukoll kunsens politiku.