“Irridu naraw li aktar mediċini ta’ kura għall-persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali jidħlu fil-formularju tal-Gvern u b’hekk jibdew jingħataw b’xejn.”
Hekk saħaq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela f’intervista ma’ tliet żgħażagħ waqt il-maratona ġbir ta’ fondi organizzata mill-Partit Laburista u mxandra fuq ONE.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar il-politika tal-Gvern Laburista għas-saħħa mentali u spjega kif din il-ġimgħa tħabbar li 28 pazjent ħarġu mill-isptar Monte Karmeli u issa qed jingħataw il-kura f’ambjent sabiħ, f’Casa Nuovo, f’Raħal Ġdid.
Dr Abela qal li l-Gvern irid jara li kemm jista’ jkun, il-kura għas-saħħa mentali tingħata fil-komunità.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar l-edukazzjoni u hawn semma programm ta’ rkupru fit-tagħlim immirat għal dawk l-istudenti li matul din is-sena skolastika fallew xi jiem mill-iskola minħabba l-pandemija.
Qal li hemm konkorenza tajba għal dan il-programm li se jibda x-xahar d-dieħel u jibqa’ sejjer sat-3 ta’ Settembru.
Il-Prim Ministru qal li deċiżjoni diffiċli li kellu jieħu fl-aħħar xhur kienet dwar l-għeluq tal-iskejjel u saħaq li l-ebda tip ta’ tagħlim ma jieħu post mija fil-mija, it-tagħlim fil-klassi.
Madankollu, il-Prim Ministru rringrazzja lill-għalliema li addattaw u taw dak kollu li setgħu biex ulied il-familji Maltin u Għawdxin baqgħu jirċievu l-edukazzjoni kif kien possibbli minħabba l-imxija.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna u appella biex aktar żgħażagħ jibdew jitlaqqmu.
Tenna li l-vaċċin jibqa’ s-soluzzjoni.
Fl-intervista huwa saħaq li l-Partit Laburista jrid jibqa’ jkun attrezzat b’nies ġodda biex imexxi politika li tinvesti fin-nies.
Qal li l-partit huwa distint mill-Gvern u jrid ikun hu li anki jagħraf fejn l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar.
Fl-intervista maż-żgħażagħ, il-Mexxej Laburista laqa’ l-fatt li f’Ottubru li ġej, Malta se tilqa’ għall-ewwel darba l-Kungress taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej u mill-ġdid feraħ lil Georvin Bugeja li laħaq il-Viċi President taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej.