“Irridu li l-Għawdxin jgħixu tajjeb fi gżira, b’ġejjieni mfassal minnhom stess”.
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta l-Ġimgħa filgħodu nieda b’mod uffiċjali l-Istrateġija għall-Iżvilupp ta’ Għawdex b’viżjoni ta’ għaxar snin.
L-istrateġija, imħejjija mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, il-GRDA, tħares lejn Għawdex bħala gżira tal-villaġġi, filwaqt li anke tħaddan tliet prinċipji ewlenin. Dawn huma l-użu għaqli tal-ambjent, kemm dak urban kif ukoll dak rurali, tkabbir ekonomiku li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar u iżjed valur lill-identità Għawdxija.
Id-dokument jidentifika wkoll numru ta’ prijoritajiet għal din il-gżira, fosthom ippjanar sostenibbli, l-aċċessibilità bejn il-gżejjer, it-tisħiħ u l-ħarsien tal-ambjent, l-iżvilupp ekonomiku u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema, il-ħolqien ta’ oqsma ġodda u t-tisħiħ ta’ dawn preżenti, il-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli, l-iżvilupp soċjali u l-preservazzjoni u l-kultura, il-wirt u l-arti ta’ din il-gżira.
Quddiem rappreżentanti minn kull tessut tas-soċjetà Għawdxija, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif din il-viżjoni tħares fost l-oħrajn lejn il-karatteristiċi u opportunitajiet uniċi li toffri din il-gżira.
“Il-viżjoni tagħna bħala Gvern għal Għawdex hi waħda ċara, dik li toħloq bilanċ bejn l-attività ekonomika u l-aspetti soċjali u ambjentali ta’ din il-gżira. Irridu li l-Għawdxin jgħixu tajjeb fi gżira, b’ġejjieni li hu mfassal minnhom stess. Ir-realtajiet ta’ Għawdex ħadd ma jafhom, ħlief l-Għawdxin stess u għalina kien kruċjali li din l-istrateġija tinbet mill-Għawdxin stess.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk hu tenna kif Gvern Laburista għandu l-kredibbilità biex dak li nieda, iwettqu. U b’hekk fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin jibdew jiġu implimentati bosta miżuri. Fil-fatt hu semma kif dawn il-proposti mhux se jibqgħu fuq il-karta, għax se jibdew jiġu implimentati mill-baġit li ġej.
Fuq kollox, Robert Abela tenna kif l-għan tal-Gvern hu li jara li l-Għawdxin jimxu ’l quddiem f’ħajjithom u jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar.
“Fassalna viżjoni li hi waħda addattata għat-tradizzjonijiet u għall-karatteristiċi ta’ din il-gżira. Irridu Għawdex ta’ villaġġi. Biex nagħmlu dan, għandna direzzjoni ċara li tmexxi ’l quddiem din l-istrateġija li rridu nibdew nimplimentaw sa mill-baġit li ġej. Il-Gvern qed iħares lejn aktar inċentivi biex jiddirezzjona l-investiment u l-għażliet f’Għawdex li joħduna lejn il-ħarsien tal-qalba natura u l-qalba tal-irħula.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Semma kif Għawdex irid ikun il-mutur tat-tranżizzjoni ekoloġika, fosthom billi jkun l-ewwel parti tal-pajjiż li jkun carbon neutral, b’inċentivi għall-promozzjoni ta’ green buildings, l-elettrifikazzjoni tat-trasport, konnettività b’saħħitha u spazji miftuħa.
Qal li l-akbar proġett ambjentali f’Għawdex, dak ta’ spazju miftuħ fil-qalba tar-Rabat, se jara r-riġenerazzjoni ta’ 22,000 metru kwadru ta’ art. Saħaq li l-konsultazzjoni dwar dan il-proġett għadha kif intemmet u li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-Għawdxin.
Ma naqasx li hawnehkk isemmi bosta proġetti li bħalissa qed isiru f’Għawdex u se jiġu inawgurati fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom l-Iskola Primarja tan-Nadur, il-kumpless edukattiv tar-Rabat, iċ-Ċentru l-ġdid tad-Dentistrija u ċ-Ċentru tas-Saħħa.
Il-Prim Ministru temm jgħid li Għawdex se jkun gżira ta’ opportunitajiet li joffri kwalità tal-ħajja li jixraq lill-Għawdxin.
Sadanittant, qabel ma spjega fid-dettall prijorità, prijorità, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tenna kif permezz ta’ dak li ġie mniedi llum, il-Gvern qed jara li jħalli lil Għawdex aħjar minn dawk li ħallew ta’ qabilna.
“Strateġija li kien ilu jinħass il-bżonn tagħha, li proprju ġiet magħmula mill-Għawdxin għall-Għawdxin b’numru ta’ prijoritajiet u numru ta’ temi li proprju issa se jkunu qed jiggwidawna biex nibdew nimplimentaw il-bidla li hemm bżonn tintlaħaq ġewwa Għawdex u minn issa sal-għaxar snin li ġejjin ikollna r-riżultat mixtieq li talbu għalih l-imsieħba Għawdxin u familji tagħna.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, Mario Borg, qal li l-proċess li bih tħejjiet din l-istrateġija kien wieħed rigoruż fejn saru sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni.
Stqarr li din hi waħda mfassla mill-Għawdxin għall-Għawdxin u msejsa fuq dak kollu li jagħmel lil Għawdex reġjun distint minn Malta, bil-kwalitajiet, opportunitajiet u karatteristiċi distinti tiegħu.