F’għeluq is-sena minn meta r-Russja ta’ Vladimir Putin bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna, fuq Twitter il-Prim Ministru Robert Abela qal kif l-Ukreni wrew kuraġġ kbir biex jiddefendu lil pajjiżhom u tenna li l-Gvern Malti se jkompli jassisti b’għajnuna umanitarja u mediċini lill-poplu Ukren.
Din l-invażjoni bdiet wara li l-Ukrajna mmexxija mill-President Volodymr Zelensky bdiet tħares lejn is-sħubija fin-NATO.
It-truppi Russi ppruvaw jieħdu l-kapitali Ukrena, Kyiv, iżda sabu reżistenza mill-poplu Ukren. F’messaġġ dakinhar, Zelensky qal li se jibqa’ u jkompli jmexxi l-pajjiż.
S’issa l-gwerra ħalliet kważi sebat elef u mitejn ċittadin mejjet u mijiet oħra midruba, filwaqt li r-Russja u l-Ukrajna raw mitt elf suldat tagħhom jinqatlu jew jindarbu.
Aktar minn 13-il miljun persuna sfat refuġjata jew bla saqaf fuq rasha.
F’indirizz li għamel il-President Ukren Volodymyr Zelensky f’sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fl-Istati Uniti, sellem lill-vittmi kollha li mietu f’din gwerra fl-aħħar sena u qal kif se jżomm lill-Moska responsabbli għat-terrur, qtil u tortura li kkawżat f’pajjiżu.