“Irridu ġustizzja b’saħħitha, effiċjenti u fil-ħin.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt li t-Tnejn filgħaxija, indirizza l-Parlament fl-istadju tat-tieni qari fl-emenda leġislattiva fil-kodiċi kriminali biex jinqata’ lok ta’ abbuż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inkluż proċessi ġudizzjarji.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru poġġa f’kuntest il-bżonn ta’ din l-emenda.
Huwa spjega kif f’numru ta’ istanzi f’kawżi kriminali, tidher ċara strateġija partikolari, fejn akkużati li jibdew joqorbu t-tletin xahar biex jinħelsu wara li ma jkunx beda s-smiegħ tal-kawża jew ġuri, jwettqu manuvri biex dawn jiġu posposti u b’hekk jingħataw il-ħelsien mill-arrest.
“Jekk wieħed jagħsar dak li llejla se nkunu qed niddibattu, din l-emenda tgħid li meta akkużat li ma jkunx ingħata naturalment sa dakinhar il-ħelsien mill-arrest, jagħmel ħsara fuqu nnifsu, hu x’inhu l-mod li bih jagħmel il-ħsara lilu nnifsu, jew jagħmel azzjoni biex jipposponi dan il-ġuri, allura t-terminu tat-30 xahar jiġi sospiż.”
Il-Prim Ministru tenna kif din l-emenda hija waħda minn diversi inizjattivi tal-Gvern favur ġustizzja aktar b’saħħitha, iktar effiċjenti u fil-ħin, favur iċ-ċittadin Malti fil-ħajja ta’ kuljum.
Dawn l-inizjattivi jinkludu r-riforma fil-mod ta’ kif isiru l-kumpilazzjonijiet.
“Nifhem li ma hijiex se tkun riforma faċli. Għandek min huwa kuntent għal diversi raġunijiet bl-‘istatus quo.’ Għandek min d-dewmien huwa vantaġġ tiegħu. Aħna ma rridux li jkollna dewmien li ma huwiex xieraq, l-aktar partikolarment fejn jidħlu l-vittmi tar-reat.”
Dr Abela semma wkoll is-sejħa miftuħa li hemm bħalissa għal erba’ ġudikanti oħrajn f’dak li hu sinjal ċar ieħor mill-Gvern li lest jagħti aktar riżorsi biex tiżdied l-effiċjenza tal-qrati, b’deċiżjonijiet f’waqthom.
“Illum għandna l-ogħla numru ta’ ġudikanti li qatt kien hemm iservu fil-bank tal-ġudikatura. Għall-ewwel darba fl-istorja moderna ta’ pajjiżna, il-membri tal-ġudikatura, wara riformi li għamilna fl-aħħar xhur jinħatru b’mod kompletament indipendenti u distakkat mill-Gvern.”
Hawn il-Prim Ministru rrikonoxxa l-maġġoranza assoluta ta’ ġudikanti ħabrieka b’kuxjenza u sostna li hija ħasra li hemm ftit ġudikanti, li tgħoddhom fuq id waħda, li bin-nuqqas ta’ impenn tagħhom jixħtu lura l-ħidma tal-kollegi tagħhom. Dwar dan il-Prim Ministru sostna li ma huwa kuntent xejn.
Dr Abela madankollu tenna li l-Gvern mhux se jieqaf hawn
“Irridu aħna dejjem nibqgħu nirrifurmaw f’dan is-settur sabiex jibqa’ verament dejjem ikollna sistema li tkun waħda effiċjenti anke mil-lat amministrattiv, sistema li tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-kontabbiltà biex verament ikollna ċittadini li kull darba li jkollhom għax imissu mal-qrati tagħna dejjem jemmnu li l-ġustizzja taħdem għalihom ukoll.”
Dr Abela rrimarka mill-ġdid l-aħħar żviluppi b’rabta mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa fakkar kif illum hemm tliet persuni li ġew misjuba ħatja u weħlu pieni ta’ priġunerija għal dan l-omiċidju. Irrimarka wkoll id-deċiżjonijiet important li ħa l-Gvern fl-aħħar sentejn, fosthom l-għoti ta’ proklama li wasslet biex għenet l-investigaturi fil-ħidma tagħhom f’dan il-każ.
Ħidma li wasslet ukoll biex illum hemm persuni li qed jistennew li jinbeda ġuri, li jinkludu l-allegat mandant.