“Il-leħen tal-Għawdxin qed jinstema”, dan kien il-messaġġ tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, responsabbli mid-djalogu soċjali, kif ukoll tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fl-ewwel laqgħa tagħhom li kellhom mal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex taħt il-kappa tal-MCESD. F’dan il-kumitat, il-gvern jiltaqa’ mal-korpi kostitwiti reġjonali, bil-għan li jippromwovi impriżi ġodda għal Għawdex biex ikun jista’ jagħti spinta lis-sostenibilità soċjali, ekonomika u ekoloġika tiegħu. Fl-indirizz tagħhom, il-Ministri Abela u Camilleri assiguraw l-impenn kontinwu tal-gvern favur l-interessi tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini Għawdxin, filwaqt li ser ikomplu jindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha l-kwistjoni tal-insularità doppja ta’ Għawdex.
Il-Ministru Abela saħaq li l-Gvern qed jgħaddi messaġġ b’saħħtu favur id-djalogu soċjali fiċ-ċentru ta’ ħidmietu, tant li dan illum huwa assenjat taħt il-kappa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. “Irridu iżjed djalogu soċjali b’saħħtu u onest, u m’għandna l-ebda ħsieb li nħallu lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), li taħtu jaqa’ l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex, jispiċċa biss talking shop”, qal il-Ministru Abela. Dan filwaqt li sostna li se jimpenja ruħu sabiex jara li l-proposti li joħorġu mid-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, li fuqhom ikun hemm konklużjonijiet waqt il-kumitat, imorru għand il-ministeri u d-dipartimenti rispettivi għar-rispons tagħhom dwar l-azzjonijiet li jkunu meħtieġa. Qal li d-diskussjonijiet li jsiru fl-MCESD iridu jkunu studjati u l-opinjonijiet iridu jkunu bbażati fuq dak li hu meħtieġ u li jkun qed jiġri.
Fir-rigward tal-isfidi li qed jindirizza Għawdex, il-Ministru Abela saħaq li l-isfidi ta’ Għawdex mhumiex biss l-isfidi tal-Ministeru għal Għawdex, imma l-isfidi tal-Gvern, hekk kif Għawdex għandu ħafna x’jikkontribwixxi u għandu jkun meqjus fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-ħidma tagħna. Żied jgħid li bħala gvern jirrikonoxxi l-attiviżmu tar-rappreżentanti ta’ setturi differenti, u qal li ser ikompli jaħdem mhux biss sabiex jisma’ iżda sabiex, flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u ministeri oħra kkonċernati, jara kif dawn jistgħu jiġu indirizzati biex ikomplu jinġiebu l-aħjar riżultati għall-gżira Għawdxija.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, bħala t-tieni l-ikbar fost il-gżejjer Maltin, Għawdex jara madwar 1.7 miljun turist fis-sena, li jfisser 50 darba aktar mill-popolazzjoni tiegħu. Is-suċċess biex jintlaħqu dawn iċ-ċifri huwa grazzi għall-viżjoni tal-gvern, li jaħdem bla heda, u għan-nies ħabrieka ta’ din il-gżira. Il-Ministru Camilleri qal li t-turiżmu għal Għawdex mhux biss huwa importanti, imma huwa l-mutur tal-ekonomija tant li din l-industrija toffri impjieg lil madwar 20% tal-popolazzjoni u tikkontribwixxi madwar 50% tal-Prodott Dometiku Gross tal-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Camilleri tkellem dwar kemm il-konnettività hija neċessarja biex ikompli jikber l-investiment f’Għawdex, kemm biex il-kumpaniji li jiġu lejn Għawdex u joperaw minn Għawdex ma jarawhiex bħala xi ħaġa ta’ skariġġ żejjed, kif ukoll għall-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin li jkollhom jaqsmu ta’ kuljum lejn Malta. Il-Ministru Camilleri qies bħala pass tajjeb ħafna li ddaħħal ir-raba’ vapur għax taffa ħafna mill-istennija sabiex wieħed jirkeb u jasal. Hawnhekk, stqarr li bħala soluzzjoni short-term għandna r-raba’ vapur, iżda bħala waħda long-term hemm il-mina.
Waqt din il-laqgħa, ġew identifikati t-temi li ressqu wħud mis-setturi rappreżentati meta mistoqsija fuq l-iżjed oqsma li jħossu li għandhom jiġu diskussa waqt il-kumitat. It-temi li ġew suġġeriti huma kollha temi ta’ importanza u li għandhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi, u li wkoll jassiguraw li jkollna żvilupp sostenibbli. Il-pass li jmiss huwa li l-membri tal-Kumitat Reġjonali jagħmlu l-prijoritajiet tagħhom sabiex jiġu diskussi fl-ewwel laqgħat.
Ritratti: MSD/MGOZ