Xufier tat-taxi mis-Somalja, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, ġie lliberat wara li l-mara li xlietu li stupraha bosta drabi, tant li ħariġha tqila, ħafritlu u waqqgħet l-akkużi kontrih.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġsitrat Rachel Montebello, intqal li l-mara, li toqgħod fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, u liwkoll hija mis-Somalja, marret tagħmel rapport li l-imputat kien strupraha bosta drabi.
Hija marret tirrapporta flimkien ma’ social worker.
Il-mara qalet li kienet iltaqgħet mal-imputat fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa f’Novembru, u ddeċidew li jiltaqgħu.
Hi qalet li kien hawn meta r-raġel beda jagħmel avvanzi fuqha, u hi qaltlu li mhix interessata ladarba mhix miżżewġa. Minkejja dan, hu qalliha li setgħu jiżżewġu wara u b’hekk kellhom x’jaqsmu sesswalment.
Tliet ġimgħat wara, irrealizzat li kienet ħarġet tqila u b’hekk stedinha biex tmur toqgħod miegħu.
Tul l-ewwel żewġ iljieli, hi raqdet waħidha, iżda mbagħad bdew jorqdu flimkien. Hi telqet mid-dar wara sitt ijiem.
Wara dan, hi rrapurtatu u qalet li hi ma kinitx tat il-kunsens tagħha. Ammettiet ukoll li riċentament ċemplitlu biex imur għaliha mill-Isptar.
Huwa wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Prosekuzzjoni għamlet talba biex tinstema’ x-xhieda tal-allegata vittma, li riedet tirtira l-akkużi, anke għall-fatt li huwa missier it-tarbija.
Hija qalet ukoll li tixtieq li tkompli r-relazzjoni tagħha miegħu u li jrabbu t-tarbija bħala familja.
Meta mistoqsija, hija qalet li ma tibżax dwar x’jista’ jiġri wara li twaqqa’ dawn l-akkużi.
L-avukati Cynthia Tomasaulo u Sean Gabriel Azzopardi dehru f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur Joseph Busuttil.
Min-naħa l-oħra, id-difiża kienet immexxija mill-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.