Id-disgħa tal-Ħadd filgħodu meta tlaqqmet l-ewwel persuna kontra l-Coronavirus f’pajjiżna, immarkaw l-ewwel pass lejn l-irkupru ekonomiku li għalih pajjiżna jinsab fuq quddiem.
Kliem il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’intervent telefoniku fuq ONE Radio, mumenti wara li l-ewwel persuna f’Malta ħadet il-vaċċin kontra l-COVID-19.
Fl-istess jum li anki pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea bdew ilaqqmu ċ-ċittadini taghom, il-Prim Ministru Malti nnota d-differenza kruċjali bejn is-sitwazzjoni f’Malta u pajjiżi oħra.
Il-Prim Ministru Abela stqarr: “Inħarsu x’ġara dil-ġimgħa madwar l-Ewropa. Jum il-Milied għal ħafna u ħafna pajjiżi kien wieħed mill-aktar jiem ibsin għax kellek miżuri fejn inti jekk toħroġ mid-dar u ma jkollokx bżonn urġenti – jiġifieri biex tmur spiżerija jew biex tagħmel ix-xirja – ma tistax toħroġ. Jekk toħroġ minn ġewwa darek f’Jum il-Milied teħel multa sa elf ewro.”
Il-Prim Ministru kompla jinnota li filwaqt li dawn kienu r-realtajiet li għexu pajjiżi oħra madwar l-Ewropa, f’pajjiżna n-nies kienu qed jgħixu normalità b’miżuri kkalkulati.
Huwa sostna: “Aħna f’pajjiżna b’miżuri kalkulati imma mhux miżuri ibsin, irnexxielna nħallu lin-nies jgħixu qrib in-normalità imma dan kollu se jagħtina vantaġġ għax ħallejna l-ħajja soċjali miexja u se jsibna pole position biex issa l-fażi ta’ rkupru ekonomiku li bdiet dalgħodu fid-disgħa ma’ dak il-vaċċin li ngħata bdiet it-triq ta’ rkupru ekonomiku u bdiet ukoll it-tilqima tal-poplu tagħna b’mod ġenerali.”
Robert Abela qal li jrid lil pajjiżna jkun l-ewwel wieħed li jikrupra ekonomikament, u dan jista’ jsir għaliex żammejna n-nies fl-impjieg, is-sitwazzjoni medika taħt kontroll u n-negozji għaddejjin.
Dr Abela saħaq: “Dal-pajjiż se jkun l-ewwel wieħed li ekonomikament se jirnexxielna nġibuh lejn in-normalità u nkunu minn tal-ewwel, anzi rrid li nkunu tal-ewwel, l-ewwel pajjiż li jirkupra ekonomikament u dan fl-istess waqt li nibqgħu nżommu s-saħħa tal-poplu tagħna protetta.”
F’jum ta’ ħidma bħall-oħrajn minn Kastilja għall-Prim Ministru, huwa appella għall-prudenza fl-aħħar ftit jiem tas-sena għaliex il-vaċċin li ngħata l-Ħadd filgħodu ma jfissirx li l-pandemija spiċċat imma qal li jinsab fiduċjuż għall-futur fi sfond ta’ Gvern li għandu strateġija ċara għat-triq ’il quddiem.
Il-Prim Ministru tenna: “Dawn huma mumenti ta’ ħafna ħidma imma meta tara tant apprezzament min-naħa tal-poplu tagħna tkun kollu worth it, kull minuta ta’ xogħol li saret fl-aħħar xhur ħidmna qatigħ u hekk irridu nibqgħu nagħmlu għaliex dalgħodu kien verament a huge sigh or relief però ma jfissirx li l-ħidma trid tieqaf anzi l-ħidma trid tintensifika iżjed għaliex il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkunu ibsin biex nerġgħu naqbdu ritmu ekonomiku b’saħħtu, fiduċjuż iżda li naslu.”