F’attività tal-Partit Laburista f’Ħal Luqa, il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard irringrazzja lill-attivisti kollha tal-Partit Laburista għax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu.
Attard għamel referenza għall-fatt li dawn, sfortunatament, ħafna drabi jispiċċaw fil-mira ta’ attakki personali, tgħajjir u kliem ta’ mibegħda minn diversi partitarji u esponenti tal-Partit Nazzjonalista. Hu semma li fl-aħħar jiem kien hemm min għajjar lil-Laburisti “injoranti” u “illitterati”.
Daniel Attard semma wkoll lil Godfrey Leone Ganado li nstab ħati mill-Qorti għal kliem ta’ mibegħda fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, wara li hu stess kien ressaq kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija fi Frar li għadda.
Attard tkellem ukoll dwar il-konvinzjoni li għandu fit-tmexxija Laburista u qal li, meta wieħed iqis kollox, bin-nuqqasijiet kollha, il-Gvern tejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ tant u tant nies, li llum qed jgħixu ħafna aħjar minn kif kienu jgħixu taħt Gvernijiet preċedenti.
Dr Attard semma li kulħadd dera li llum il-Gvern f’kull baġit iżid il-pensjonijiet, iċ-Children’s Allowance, is-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iż-żieda fis-servizzi soċjali, it-trasport pubbliku fuq l-art u fil-baħar, trasport lill-istudenti u childcare b’xejn u ħafna benefiċċji affarijiet oħrajn.
Qal kif, taħt dan il-Gvern, meta jersaq il-baġit in-nies jibdew jistaqsu mhux kemm se joħdilhom, imma kemm se jagħtihom.
Dwar il-ħidma fil-Parlament Ewropew, il-kandidat Laburista stqarr li, fejn ħaddieħor diġà ddikjara li se juża lill-mezzi kollha biex jaħdem kontra Malta u jagħmel gwerra qaddisa, il-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti eletti se jkunu magħqudin flimkien u jużaw il-mezzi kollha biex jiddefendu lil Malta u lil Għawdex tagħna.
L-Avukat Attard tenna li jekk il-poplu jogħġbu jagħtih il-fiduċja, hu se jkun it-tarka tiegħu fl-Ewropa.
“Kemm-il darba tagħtuni l-fiduċja tagħkom fit-8 ta’ Ġunju li ġej, ma nkunx vuċi oħra ma’ ta’ sħabi fil-Parlament Ewropew, imma nkun it-tarka tagħkom, it-tarka tal-Maltin u l-Għawdxin, għax jekk ħaddieħor irid jagħmel gwerra fuq il-Maltin, jien irrid inkun it-tarka tal-Maltin u din ngħidha b’konvinzjoni.”