“Irrid inħalli differenza fil-ħajja tan-nies.” Hekk stqarret Dr. Lydia Abela f’intervista li kellha mat-Times, fejn stqarret li l-ħidma tagħha ser tkun iffukata fuq l-irwol tan-nisa fil-politika, u li tkun ta’ vuċi għat-tfal u l-annimali.
Hija spjegat kif kull mara għandha tħares lejha nnifisha bħala individwu b’valur uniku.
Hija spjegat kif il-mara għandha ħafna x’toffri, kemm fis-soċjetà, kemm fil-politika u anke fid-dinja tax-xogħol. Innutat ukoll kif l-importanza li jiġu mħarrsa l-annimali għadha mhux tingħata biżżejjed importanza u għalhekk hija ser tkun qed tara li tkun vuċi tal-annimali, iżda mhux biss.
“Inħoss li għandna nenfasizzaw u iva nixtieq li nkun pjattaforma biex bħal pereżempju nitkellmu aktar fuq il-problema tal-loneliness li għandna f’pajjiżna. Nixtieq ukoll inkun nindirizza settur partikolari illi ltqajt miegħu anke fix-xogħol ta’ avukat – lil dawk it-tfajliet li jkunu trabbew f’children’s homes illi wara li jgħalqu t-tmintax-il sena imbagħad isibu ruħhom fid-dinja ta’ barra.”
Meta kienet mistoqsija dwar kif inbiddlet il-ħajja tal-familja minn mindu Robert Abela inħatar bħala Prim Ministru, hija stqarret li l-fatt li t-tnejn kienu diġa involuti sew fil-politika għen ħafna biex ikomplu jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
“Fil-każ tiegħi jien kont ili nokkupa l-kariga ta’ segretarju tal-eżekuttiv għaxar snin qabel Jannar illi għadda jiġifieri kont diġa drajt illi nadatta lili nnifsi għall-ħajja pubblika, kont diġa kapażċi nimmanigja l-ħin tiegħi u l-istess ukoll fil-każ ta’ Robert, li wkoll kien ilu nvolut fil-ħajja politika, mhux hu biss, anke l-papa tiegħu li kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ deputat mexxej meta Robert kien għadu żgħir.”
Lydia stqarret li fl-irwol li għandha issa hija trid tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Dan sabiex bil-ħidma tagħha tkun ukoll ta’ eżempju għat-tifla tagħha Giorgia Mae.
“Jiena bix-xogħol tiegħi u anke bil-ħidma tiegħi fil-politika u llum bħala l-mara tal-prim ministru, nixtieq illi għada pit għada Giorgia Mae tħares lura bħal ma jiena nħares lura lejn il-mama tiegħi illi nisslet fija dawk il-valuri u kienet hemhekk, il-mama tiegħi bis-sempliċitá tagħha għenet lis-soċjetá komunità ġewwa Bormla u llum Giorgia Mae nixtieq li għada pit għada tħares il-quddiem, tħares lejja bħala omm li kont hemmhekk għaliha imma fl-istess forsi stajt ukoll nagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.”