Il-Qorti tal-Appell irrevokat permess biex tinbena lukanda minflok id-diskoteka Tattingers fit-Telgħa tas-Saqqajja, fir-Rabat.
Dan seħħ minħabba li nstab li l-lukanda mhix konformi mal-Pjan Lokali. L-eks diskoteka kienet se titwaqqa’ u minflokha tinbena lukanda ta’ ħames stilel, ta’ ħames sulari. Dwar dan saret oġġezzjoni minn diversi organizazzjonijiet, residenti, mill-Kunsill Lokali tal-Imdina.
L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, kienu esprimew tħassib meta kienet qed tiġi diskussa l-applikazzjoni, minkejja li l-iżviluppatur naqqas in-numru ta’ kmamar minn 110 għal 81.
Waħda mill-oġġezzjonijiet kienet dwar l-impatt viżwali fuq l-Imdina, u l-fatt li l-bini tal-lukanda kien jeħtieġ tħaffir konsiderevoli. L-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat il-permess fl-2021, u qalet li jridu jsiru studji arkeoloġiċi u ġeoloġiċi qabel kull xogħol ta’ tħaffir fuq il-post.
Il-każ ġie riferut lit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, li kien qabel li l-permess għandu jiġi revokat u mibgħut lura lill-Awtorità tal-Ippjanar, peress li l-applikazzjoni ma kellhiex tinħareġ qabel ma jkunu saru l-istudji.
Il-każ reġa’ mar quddiem il-Qorti tal-Appell, li issa qablet li peress li l-Pjan Lokali ma kienx jippermetti lukandi ġodda, dan irid jiġi rrispettat. Għaldaqstant, il-permess ġie revokat.