Il-Batterija tas-Salut, li tinsab taħt il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta, ingħatat lura żewġ 64-pounder traversing carriages maħduma fuq skala reali bil-għan li tieħu lil viżitaturi lura fis-seklu 19.
Fi stqarrija intqal li l-vaguni tal-injam kienu introdotti f’Malta mill-Artillerija Irjali biex jimmuntaw fuqhom kanuni b’dijametru sa 10 pulzieri. Dawn kienu jintużaw bejn it-1830 u l-1890. Fl-eqqel tal-użu tagħhom kien hemm mill-inqas ħames vaguni bħal dawn immuntati fil-Batterija tas-Salut fejn kellhom veduta ta’ 180° tal-Port il-Kbir. Dan peress li għandhom l-abbilità li jduru fuq linji tal-ħadid. Dan il-kanun beda bħala 32-pounder smooth-bore muzzle loader u aktar tard inbidel f’64-pounder rifle gun.
Waqt il-kxif uffiċjali tal-vaguni li sar matul l-avveniment tas-sajf tal-Bank HSBC Malta, Mario Farrugia – il-President tal-Fondazzjoni Wirt Artna qal: “Ir-rotating traversing carriages kienu parti importanti mill-armament tal-armata fl-Ewropa fi tmiem is-seklu 18. L-użu tagħhom f’Malta kien introdott mill-Ingliżi fl-ewwel nofs tas-seklu 19 u dawn baqgħu jintużaw sal-1890.”
“Sfortunatament, wara l-1890, dawn il-vaguni kienu relegati għall-istorja u ma nżammx eżempju wieħed għall-posterità. Bis-saħħa tal-impenn tal-Fondazzjoni HSBC Malta, il-vaguni inbnew mill-ġdid u huma l-ewwel eżempju awtentiku li għandhom jikkumplimentaw il-fortifikazzjonijiet storiċi ta’ Malta wara li kienu nieqsa għal madwar 130 sena,” kompla s-sur Farrugia.
Il-vaguni kienu tipikament magħmula minn żewġ partijiet – il-parti t’isfel magħrufa bħala l-pjattaforma, u l-parti ta’ fuq magħrufa bħala s-sliding carriage. Din tal-aħħar kienet iddisinjata biex tiżżerżaq fil-pjattaforma ma’ kull sparatura qabel ma tinġibed lura bl-għajnuna tal-blokka u t-tarjola biex il-kanun jitgħabba mill-ġdid bil-porvli u l-balla.
Inqtal li l-proġett kollu kien iffinanzjat mill-Fondazzjoni HSBC Malta. Dan involva mhux biss il-manifattura tal-vaguni fir-Renju Unit, iżda wkoll it-trasport u t-tqiegħid tagħhom f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal: “Il-Batterija tas-Salut hi waħda mill-iktar siti ikoniċi ta’ Malta, u kellha rwol importanti fl-istorja tal-pajjiż. HSBC Malta hu kburi li ħadem bi sħab mal-Fondazzjoni Wirt Artna biex jirrestawra din il-parti kruċjali tal-Batterija li intilfet għal aktar minn seklu.”