Grazzi għas-somma ta’ erbgħin elf ewro mill-Fond tad-Diplomazija Kulturali, ġie inawgurat xogħol ta’ restaqr fuq sitt pitturi tas-seklu 18 mill-artist Francesco Zahra.
Kien il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela li ingawgura dawn waqt Quddiesa fil-Knisja Parrokjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun.
Il-pitturi juru xeni mit-Testiment il-Qadim, u iżda tħallew fi stat ta’ telqa għal bosta snin kif spjega l-lettur tal-istorja tal-arti, Dun Gino Gauci.
Huwa qalilna: “Għal ħafna żmien kellhom bżonn restawr u issa grazzi għall-Ministru Carmelo Abela, dan ir-restawr sar u l-kwadri reġgħu ġew għas-sbuħija oriġinali tagħhom. Ilum qegħdin naraw Francesco Zahra fil-mument l-iktar matur tiegħu bħala pittur Malti u nistgħu ngħidu li dan huwa l-livell fejn huwa jasal għal-livell ta’ artisti anke Ewropej tal-istess żmien tiegħu.”
Il-Ministru Carmelo Abela, stqarr li l-proġett ilu għaddej għal madwar sena: “Aħna għamilna dan bħala gvern bi pjaċir għax huwa importanti ħafna li nibżgħu għall-kultura tagħna li napprezzaw aħna bħala poplu Malti l-ewwel u qabel kollox però mbagħad anke li naqsmuha ma’ popli oħrajn biex huma wkoll igawdu mill-patrimonju Malti”
Dawn is-sitt pitturi issa se jiġu esibiti fl-Oratorju tal-Knisja Arċipretali fiż-Żejtun.