Tlesta r-restawr fuq il-mini tal-ilma tal-akwadott f’Kerċem.
Mini li jibdew mill-għolja tal-Mixta u l-għolja t’Għar Ilma, u jaslu sa Triq San Niklaw. Minn hemmhekk, l-ilma jibqa’ għaddej f’ kanali li jwasslu għall-mini tal-akwadott fejn jibqa’ dieħel għas-Santwarju ta’ Pinu.
Dawn il-mini nbnew fi żmien l-Ingliżi; bil-ħsieb li jwasslu l-ilma sa Pjazza Savina fir-Rabat Għawdex – fejn in-nies kienu jmorru u jieħdu l-ilma għall-użu personali tagħhom.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li bi proġetti bħal dawn, qed ikun sfruttat il-potenzjal tal-lokalitajiet Għawdxin, biex filwaqt li jkun irrestawrat il-wirt storiku tal-gżira tat-tliet għoljiet, ikompli jitgawda kemm minn nies tal-lokal, mit-turisti kif ukoll mill-ġenerazzjonijiet futuri.
“Proġett importanti ħafna tal-akwadotti ta’ żmien l-Ingliżi fejn il-Ministeru għal Għawdex ħareġ fondi biex jiġi restawrat u issa jista’ jitgawda minn dawk kollha li jżuru l-lokalitajiet tagħna,” saħqet il-Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis innota li wieħed mid-dmirijiet tal-Gvern Lokali huwa li jippreserva l-istorja u l-kultura tal-lokalitajiet, u dan huwa proprju dak li qed isir fil-lokalità ta’ Kerċem.
“Aħna rridu naraw li verament il-Kunsilli Lokali tagħna jkunu l-Gvern Lokali fil-lokalitajiet tagħna,” qal Parnis.