Ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett u l-assoċjazzjoni KURA, li tlesta r-restawr ta’ 15-il proġett kulturali, li ġew restawrati permezz ta’ fondi Ewropej.
L-istess nies ħabbru wkoll it-twaqqif ta’ heritage trail għal turiżmu reliġjuż, li ser tkun qed tagħti l-opportunità lill-pubbliku jgawdi minn dawn il-proġetti li jinkludu restawr ta’ faċċati u kampnari tal-knejjes, znieter, pitturi tas-saqaf u koppli, riġenerazzjoni ta’ mużewijiet u oratorji u restawr ta’ orgnijiet u oħrajn. L-aħħar parti tal-proġett kienet tinkludi l-ewwel heritage trail ta’ turiżmu reliġjuż f’Għawdex, li se jiġi reklamat ukoll barra minn pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li l-gvern qed jappoġġa l-investimenti fil-wirt kulturali biex jiġu żviluppati aktar l-assi nazzjonali ta’ pajjiżna fis-sostenn tal-iżvilupp tan-negozju u t-tisħiħ tal-industrija tat-turiżmu li hija waħda mill-aspetti ewlenin tal-ekonomija Maltija.
Qal, “Għawdex għandha importanza kbira f’dak li nagħmlu bħala proġetti bħala investiment kemm għand-negozji tagħha, għal bdiewa u r-raħħala tagħha kif ukoll fl-infrastruttura u dak li huwa l-wirt nazzjonali tagħna.Proġetti li issa ilna narawhom għaddejjin għal tul ta’ żmien u ovvjament bil-programm il-ġdid se nkunu qegħdin niddedikaw 10% tal-fondi Ewropej biex jiġu investiti propju f’għawdex.”
Il-leader tal-proġett, Noel Formosa spjega li din l-okkażjoni timmarka t-tmiem ta’ proġett ħolistiku mwettaq mill-Assoċjazzjoni KURA li matul dawn l-aħħar 5 snin, bosta lokalitajiet gawdew minn fondi Ewropej, biex sar restawr fuq proġett li jappartjeni għall-parroċċi, knejjes u ċentri li f’Għawdex.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Curia f’Għawdex, Anthony Bezzina, qal li għad-Djoċesi ta’ Għawdex din l-okkażjoni hija importanti għaliex id-Djoċesi, permezz tal-Assoċjazzjoni Kura, qed tagħlaq proġett kofinanzjat minn Fondi Ewropej, sabiex jieħdu ħsieb dak li ħallew il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.
Qal, “Il-knisja f’dawn l-aħħar elf sena f’Għawdex ħalliet ħafna wirt kulturali, wirt arkitettoniku u wirt tal-arti u l-knisja hija obbligata li dan il-wirt kollu tippreservaħ għall-ġenerazzjonijiet futuri.Għalhekk konna ndħalna għal ħmistax il-proġett ta’ arti u restawr ta’ propjetajiet u anke ta’ ordni sabiex dan il-wirt jibqa’ tajjeb u jgawduħ il-poplu ta’ llum u dawk li ġejjin warajna.”
Dan il-proġett, sewa €2.24 miljun li minnhom ġewa allokati €1.7 miljun mill-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, taħt il-programm tal-Assi Prijoritarju 5.
Siti li bbenefikaw minn dawn il-proġetti ta’ restawr huwa: Sannat, Victoria, Ċittadella, Victoria, iċ-Ċittadella, Fontana, Santa Luċija,Ta’ Kerċem, l-Għarb, l-Għasri, Marsalforn, ix-Xagħra u l-Qala.