Permezz ta’ proġett li qed jitwettaq mill-Assoċjazzjoni Kura fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex, b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea, il-koppla tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex reġgħet lura għall-glorja tagħha wara li ġiet irrestawrata.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li matul dawn l-aħħar ġimgħat kienu d-diversi l-okkażjonijiet fejn ġew inawgurati proġetti ta’ restawr u konservazjoni fil-knejjes tagħna. Hi qalet li apparti l-bżonn li nħass biex jiġi kkurat u ppreservat il-wirt kulturali tagħna, hu fl-obbligu tagħna biex inħarsu dan il-wirt u kien għalekk li nħoloq mekkaniżmu biex jintlaħaq dan il-għan.
Hi fakret kif il-Ministeru għal Għawdex kompla jassisti f’dan il-proġett hekk importanti billi assista finanzjarjament biex il-koppla tiġi ukoll irrestawrata minn barra. Il-Ministru Justyne Caruana qalet li wara li sar ix-xogħol fil koppla minn ġewwa u minn barra issa ser jibda wkoll proġett ġdid biex tiġi illuminata l-faċċata tal-Bażilika u għalhekk ħabbret ftehim li permezz tiegħu l-Ministeru għal Għawdex għadda s-somma t’ €65,000 biex appuntu ssir is-sistema ta’ dawl professjonlai biex il-Bażilika ta’ San Ġorg tiġi mixgħula minn barra.
Il-Ministru Caruana rringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia li fehem dan il-bżonn u assista biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Faħħret ukoll lill- Mons Mario Grech għall-inizjattiva tiegħu għal dawn il-proġetti ta’ restawr u lil dawk kollha involuti fil-proċess.
Ritratti: MGOZ