Ġie inawgurat proġett ta’ restawr li sar fuq il-faċċata tal-Knisja tas-Salib Imqaddes fil-Furjana, magħrufa aħjar bħala tal-Patrijiet Kapuċċini.
Dan ix-xogħol sar permezz ta’ fond ta’ ħamsin elf ewro mill-Aġenzija Komunità Malta, b’koperazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti.
Ir-restawr fuq din il-knisja, li għandha ’l fuq minn 400 sena, kien jikkonsisti f’tibdil ta’ ġebel li kien waqa’ jew wasal biex jaqa’, qlugħ ta’ dawl antik kif ukoll it-tindif tal-ġebla tal-faċċata eżistenti.
Ix-xogħlijiet kienu bdew fi żmien it-terminu provinċjali tal-eks Provinċjal Patri Effie Mallia, wara li l-knisja ma setgħetx tiftaħ għall-pubbliku minħabba li beda jaqa’ l-ġebel minn mal-faċċata tagħha u l-knisja kellha tingħalaq għan-nies.
Hu spjega li l-Provinċja tal-Kapuċċini kienet talbet għall-għajnuna biex jiġu rranġati dawn il-ħsarat u l-patrijiet, bl-għajnuna ta’ aġenziji governattivi, daħlu għal dan il-proġett ta’ restawr.
“Konna tlabna l-għajnuna biex nirrestawraw il-faċċata. Inbidel il-ġebel li kien inkiser u ġiet irranġata l-faċċata tal-Knisja. Bil-ħsieb anke li jsir dawl ġdid.”
ll-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li l-Gvern hu mpenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi oħrajn fuq bażi regolari.
“Qed naraw li l-patrimonju storiku tagħna jiġi ssalvagwardjat u protett għal ġenerazzjonijiet futuri.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza qal li jinsab sodisfatt li l-Aġenzija Komunità Malta qed terġa’ tinvesti fil-wirt kulturali ta’ pajjiżna, minbarra l-investimenti li qed tagħmel fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Spjega li fl-aħħar snin din l-aġenzija wettqet diversi proġetti madwar il-gżejjer tagħna u li permezz tagħhom ġie ppriservat il-patrimonju Malti, inkluż dak reliġjuż, li hu għal qalb ħafna l-poplu Malti.
“Minbarra dan, se naraw li jkun hemm oħrajn, għax finalment dawn tgawdi minnhom il-komunità tagħna.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta, Joe Mizzi, kif ukoll is-Sindku tal-Furjana, Vincent Borg.