B’investiment ta’ €100,000 mill-fondi tal-Aġenzija Komunità Malta u b’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti sar restawr estensiv fuq il- faċċata tal-Knisja Arċipretali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien.
Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li l-faċċata mhux biss tidher aħjar b’mod estetiku, iżda jiġi protett il-wirt storiku u kulturali fil-qalba ta’ dan ir-raħal antik.
Il-faċċata ġiet inawgurata fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà , ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, is-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela Galea, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta, Joseph Mizzi.
Ix-xogħol li sar involva t-tindif tal-ġebla, it-tibdil tal-ġebla nnifisha kull fejn kien hemm bżonn, l-irranġar ta’ elementi tal-plastik fil-faċċata kif ukoll it-tneħħija taż-żebgħa taż-żejt mill-bibien, sabiex b’hekk reġgħet ħarġet is-sbuħija oriġinali.
Il-Ministru Owen Bonnici tkellem aktar fid-dettall ir-restawr li qed isir tal-knejjes. Dan jirrappreżenta sforz biex il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna jkun priservat.
“Aħna għaddejjin bi proġett illi nirrestawraw diversi postijiet f’pajjiżna, ġieli bil-fondi li għandna aħna bħala Ministeru u ġieli anke b’partnership bħalma għandna llum ma’ entitajiet oħra. Nixtieq nirringrazzja lil Komunità Malta illi, bis-saħħa tas-sħubija li għamlet magħna, stajna nirrestawraw dan il-wirt storiku u anki wirt storiku ieħor li se nkunu qed inħabbru fil-jiem li ġejjin.”
Il-Ministru Byron Camilleri fisser kif proġetti bħal dawn huma ta’ fejda kbira għax minnhom igawdu mhux biss il-komunitajiet tagħna iżda, fuq kollox, ikomplu jieħdu ħsieb dak li jsawwarna bħala l-poplu li aħna.
“Proprju f’Ħal Tarxien rajna li ninvestu fir-restawr tal-faċċata tal-ParoċċaĦ illi issa meta tiġi f’dawn l-inħawi mhux biss qed tara nħawi ferm isbaħ. Rajna illi dak li huwa tagħna, il-patrimonju tagħna, naraw li nirrestawrawh.”