Investiment ta’ kważi €20,000 permezz ta’ fondi mill-MCVS wassal biex ġiet inawgurata bottega tal-arti li ġiet irrestawrata sabiex jiġi ppreservat il-volontarjat fl-artiġjanat tal-festi. Dan il-proġett, li huwa wieħed ta’ natura infrastrutturali, ġie implimentat mis-Soċjetà Mużikali La Stella Levantina ta’ Ħ’Attard permezz ta’ fondi mill-iskema tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS).
L-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Kien fl-2019 meta l-għaqda ġiet fdata dar antika sabiex tintuża bħala bottega tal-arti. Biss, dan il-post kien ikkundannat wara li għamel snin fi stat ta’ abbandun. Għaldaqstant, l-għaqda mużikali applikat għall-fondi tal-VOPS sabiex tagħmel dan ix-xogħol infrastrutturali sabiex il-binja tkun tista’ tintuża u titgawda mill-voluntiera. Il-fondi ta’ dan il-proġett, fil-fatt, ippermettew li jsir ix-xogħol fuq l-ewwel kamra, li kien jinkludi li jitranġa s-saqaf u jinbidlu x-xorok. Wara sar tindif, ftuħ ta’ fili, ingħadda d-dawl, l-ilma flimkien mat-tikħil. L-iskop ta’ dan ix-xogħol huwa li din il-kamra tibda tintuża bħala workshop (bottega) fejn issa ser jibda jinħadem u jiġi restawrat l-armar tal-festa.
Għaldaqstant dan il-post fiċ-ċentru tar-raħal ser jiġi trasformat f’post soċjali fejn jibdew jiltaqgħu l-voluntiera, speċjalment żgħażagħ li jitgħallmu s-snajja’ u tekniċi tradizzjonali sabiex dawn ma jintilfux. Il-kamra ser tibda tintuża wkoll biex fiha jsiru laqgħat żgħar edukattivi fuq il-festi, t-tekniki tal-armar u pereżempju lezzjonijiet ta’ kif wieħed jagħmel presepju. Barra minn dan, f’din il-binja jistgħu wkoll jibdew jsiru open days sabiex jiġu mħajra aktar żgħażagħ jingħaqdu fil-volontarjat.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Julia Farrugia qalet kif dan il-proġett juri kif il-Gvern qed jinvesti konkretament fil-volontarjat u fil-preservazzjoni tas-snajja’ tradizzjonali. “Permezz tal-fondi mill-VOPS, irnexxielna nagħtu ħajja ġdida lil dan il-post, u b’hekk niżguraw li l-artiġjanat tal-festi jibqa’ ħaj minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment tagħna fil-komunità jagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies.”
Min-naħa tiegħu, Anthony Sammut, Segretarju tas-Soċjetà Mużikali La Stella Levantina f’Ħ’Attard, qal li dan il-proġett kien vitali sabiex tinżamm it-tradizzjoni u s-sengħa tal-armar tradizzjonali tal-festi ġewwa Ħ’Attard. Dan għaliex din il-bottega ser tkun qed isservi bħala post fejn il-voluntiera ser ikunu qed jgħallmu dawn it-tekniki lill-voluntiera ġodda sabiex dawn ma jintilfux. Għaldaqstant dan se jkun post ta’ tagħlim, edukazzjoni fuq tekniki ta’ armar li jiffurmaw parti mill-wirt ta’ pajjiżna, kif ukoll post ta’ rikreazzjoni għall-voluntiera.