Fil-Knisja tal-Kappuċini fil-Kalkara, ġie rrestawrat salib tal-1851, li huwa mnaqqax fl-injam.
Dan is-salib sar mill-iskultur Żejtuni magħruf bħala Mastru Xandru, li ħadem fuq tliet statwi titulari, li huma: il-Lunzjata ta’ Ħal Tarxien, San Pawl ta’ Ħal Safi, u anki dik ta’ Marija Assunta tal-Imqabba.
Dan is-salib jinsab fil-Kor ta’ Fuq, fejn il-patrijiet tal-Kappuċini jitolbu matul il-ġurnata, kif spjega magħna Brother Miguel Zammit.
“Kien maħdum għal dan il-post, li nsejħulu bħala l-Kor ta’ Fuq, li huwa l-kor fejn nitolbu. Hekk bħala patrijiet niltaqgħu erba’ darbiet f’dan il-post matul il-ġurnata u allura tista’ tifhmu l-importanza li għandu dan is-salib fil-ħajja tagħna.”
Huwa spjega magħna kif dan is-salib reġa’ ġie fl-istat oriġinali tiegħu, hekk kif permezz tar-restawr inkixfu wkoll affarijiet ġodda li saru aktar minn mija u sebgħin sena ilu.
Tkellimna wkoll mar-restawratriċi Valentina Lupo li spjegat il-problemi ewlenin li sabu qabel sar dan ir-restawr.
“Kellu żewġ problemi prinċipali; waħda illi l-injam kellu xpakkaturi żgħar imma kif ukoll kellu swaba’ illi jew li kienu neqsin jew inkella saru mill-ġdid. Kellu ħafna ħsara fil-kulur, fejn il-kulur oriġinali tal-iskultur kien ġie mgħotti, b’passati ta’ żebgħa li ġiet applikata minn artisti jew restawraturi preċedenti.”
Valentina Lupo spjegat ix-xogħol li sar f’dan ir-restawr.
“Il-proċess prinċipali kien it-tindif fejn aħna permezz ta’ blades irqaq kellna bil-mod il-mod inqaxxru dawn is-saffi ta’ kulur li ma kienx oriġinali biex nikxfu dak kollu li huwa oriġinali fil-kurċifiss. Kien hemm bħal per eżempju vini irqaq li nkixfu, kien hemm ħafna dmija. Kif kien qabel kellu ħafna inqas dmija u xi ħadd kien iddeċieda li jagħtih mod differenti.”
Ir-restawr tal-kurċifiss sar bl-għajnuna tal-Bank of Valletta.