Il-parroċċa ta’ San Sebastjan Martri f’Ħal Qormi għandha pedestall irrestawrat bħala parti minn proġett akbar ta’ tiġdid, u dan l-istazzjon segwa l-funzjoni fil-Knisja Arċipretali li matulha, dan ġie inawgurat.
Ir-Riċerkatur Vince Peresso spjegalna kif l-artist oriġinali kien Mariano Gerada li fl-1797 kien ikkumissjonat b’dan ix-xogħol għal parroċċa Żabbarija. Hemmhekk għamel mija u ħamsin sena, u wara l-gwerra fl-1944 l-pedestall kien mixtri mill-istess paroċċa għal tnax-il lira.
Huwa spjegalna: “Wara l-gwerra mbagħad fl-1944 il-Kappillan Dun Alwiġ Psaila kien qed jaħseb biex jagħmel statwa titulari ġdida għal San Bastjan, li kienet lesta imma ma kellhiex il-pedestall. Avviċina lill-Kappillan Zarb ta’ Ħaż-Żabbar li kellu dan il-pedestall u xtrah mingħandu bi tnax-il lira. Imbagħad il-Kapillan Psaila għamel l-induratura fil-fatt nefaq ħamsa u tletin lira biex jagħmillha l-induratura.”
Aktar ‘il quddiem l-istatwa ta’ San Bastjan ġiet indurata u l-pedestall kien twarrab.
Il-kumpanija Atelier del Restauro ġiet fdatha bix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni. Tkellmet magħna Valentina Lupo li flimkien ma’ Maria Garzia Zenzani ħadmu fuq il-konservazzjoni tiegħu.
Spjegat kif l-pedestall instab fi stat strutturali tajjeb għalkemm id-deheb kien iddeterjora xi ftit minħabba ż-żmien li għamel merfugħ.
Hija qaltilna, “Saret induratura b’deheb simili għal dak illi sibna fuqu bit-teknika tal-water gilding. L-għan finali kien ukoll illi dan il-pedestall, peress li huwa pedestall storiku, huwa pedestall li kien oriġinarjament ta’ statwa importanti tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar l-għan tagħna ukoll kien li l-pedestall għandu jibqa’ jidher iż-żmien tiegħu.”
L-Arċipriet Dun Ewkarist Zammit, filwaqt li rringrazzja lil kull min kien involut semma’ ukoll kif issa dan il-pedestall se jitpoġġa taħt l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju li għadha qed tiġi maħduma.
Huwa fissrilna: “Issa l-paroċċa qed terġa’ toħroġ il-glorja tiegħu hekk bir-restawr li għadha kif għamlet ħalli jintuża għall-istatwa l-ġdida tal-Madonna tar-Rużarju illi ġiet ikkummissjonata lil Michael u Adonai Camilleri Cauchi. Ovvjament b’dan il-mod anki l-parroċċa tagħti sinjal pożittiv hekk illi tgħożż il-patrimonju tagħha, tgħożż dak kollu li rċviet minn ta’ qabilna u li aħna illum fid-dover illi nieħdu ħsiebu għalina u anki għal dawk li ġejjin warajna.”