Il-ktieb li fih kopja tal-għotja tal-George Cross lil Malta, miżmum fl-Arkivji Notarili ġewwa l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, għadu kemm ġie mogħti trattament ta’ konservazzjoni bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni b’suċċess bejn l-Uffiċċju fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili.
“Dan il-volum iġorr miegħu sinjifikat storiku intrinsiku, bħala rappreżentazzjoni tal-istorja u l-legat ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt żjara fl-Arkivji Notarili.
“L-istorja tagħna hija parti integrali tal-identità tagħna, u kellha rwol importanti fit-tfassil ta’ pajjiżna u permezz ta’ din l-inizjattiva, qegħdin inkomplu ngħinu biex nippreservaw dan il-volum storiku għall-ġenerazzjonijiet futuri. Grazzi għall-strateġija kulturali b’saħħitha, għandna l-għan li nkomplu nressqu l-wirt ta’ pajjiżna aktar lejn is-soċjetà tagħna, speċjalment fi żmien fejn qegħdin naraw żieda konsiderevoli fl-interess mill-pubbliku lejn dan is-settur,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Din l-inizjattiva ttieħdet wara żjara bi gwida li saret fl-2018 għal membri ta’ Din l-Art Ħelwa. It-trattament ta’ konservazzjoni twettaq mill-konservatriċi ta’ dokumenti Alejandra Molano Contreras, taħt is-superviżjoni tal-Kap tal-Konservazzjoni Dr Theresa Zammit Lupi.
Il-volum kien jinħtieġ interventi diversi, bħal tindif tal-wiċċ, tneħħija ta’ tiswijiet qodma, tiswija tas-sinsla tal-ktieb u tiswija tal-qoxra. Ġie mqiegħed fi spazju magħluq protettiv sabiex ikun imħares. Kull trattament twettaq bl-użu ta’ materjali ta’ konservazzjoni tal-ogħla kwalità, u skont l-aħħar prattiċi internazzjonali dwar il-konservazzjoni u l-etika f’dan il-qasam. Din il-kollaborazzjoni bejn Din l-Art Ħelwa, li wettqet ġbir ta’ fondi permezz tal-membri tagħha, il-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili u l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern tat kontribut siewi għall-isforzi li jinsabu għaddejjin sabiex jitħares il-wirt nazzjonali Malti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dokumenti. Huwa ttamat li din l-inizjattiva twassal għal aktar kollaborazzjoni.
Il-George Cross ġie mogħti mill-Majestà Tiegħu r-Re George V lil Malta fil-15 ta’ April 1942 għall-kuraġġ u perseveranza li ntweriet matul it-Tieni Gwerra Dinjija. L-att ġie ppubblikat fis-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ ġewwa l-Palazz tal-Gvernatur, il-Belt, fil-preżenza tal-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Mikiel Gonzi, Arċisqof Metropolitan ta’ Malta, fis-7 ta’ Frar, 1947. Il-poplu Malti kien għadu kemm għadda minn tħarbit totali tal-ħajja ta’ kuljum, ra skarsezza ta’ ikel u safa fil-mira ta’ bbumbardjar bla waqfien mill-forzi tal-għadu. Il-volum jippreserva r-rekord ta’ din il-parti sinjifikanti tal-istorja ta’ Malta u tal-poplu Malti.
Il-volum fih l-insinwar tal-att magħmul min-Nutar Prinċipali tal-Gvern, Dr Carmelo Farrugia. Il-kuntratt sar bejn l-E.T. Francis Campbell Ross Douglas, Gvernatur u Kap Kmandant tal-Gżira ta’ Malta u d-Dipendenzi tagħha, u s-Sinjurija Tiegħu l-Kavallier George Borg, Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell, ‘fejn ir-Re Ġorġ VI, ħerqan li jingħata unur u distinzjoni akbar lill-Gżira ta’ Malta’, jippermetti li xbieha tal-George Cross proprju tiġi mqegħda fuq ‘canton’ kaħla li titqiegħed fuq siġilli, bandalori u ħwejjeġ oħra tal-Gżira ta’ Malta u d-Dipendenzi tagħha.
Il-volum fih ukoll atti notarili oħrajn, bħal atti li jittrattaw bejgħ ta’ artijiet, rikostruzzjoni ta’ djar li ġarrbu ħsarat u l-forniment ta’ proviżjonijiet u fjuwil, li jkomplu jikkontribwixxu għall-ħarsien ta’ aspetti mill-passat ta’ Malta u l-kultura tal-popolazzjoni Maltija.