Wara li lbieraħ fil-Parlament id-deputat Nazzjonalista, il-Perit Toni Bezzina, ikkritika l-proċess tal-applikazzjonijiet għall-iskema ‘Irretawra Darek’ u semma diċerija li l-applikazzjonijiet infetħu għal xi periti nofs siegħa qabel, jirriżulta li huwa stess daħħal erba’ applikazzjonijiet fl-Iskema.
Dan jirriżulta mil-lista tal-periti kollha li l-applikazzjonijiet tagħhom laħqu ġew sottomessi qabel ingħalqet l-iskema ‘Irrestawra Darek’ ilbieraħ, u li ppubblikat l-Awtorità tal-Ippjanar illum.
Toni Bezzina daħħal applikazzjonijiet għal proprjetajiet fil-Birgu, tnejn f’Ħal Kirkop, u fiż-Żurrieq.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li issa se tkun qed tevalwa dawn l-applikazzjonijiet.
L-Awtorità wieġbet għal dak li qalet il-Kamra tal-Periti u nnutat li, wara li ħarġet il-linji gwidi dwar din l-iskema, l-unika sottomissjoni li saret mill-Kamra kien dwar il-ħin li fih kellhom jinfetħu l-applikazzjonijiet, li mit-8am tmexxa għal nofsinhar.