Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, iddeskriva bħala irresponsabbli u mhux serja l-attitudni li qed jieħdu bdoti tal-Air Malta; attitudni li qed twassal biex xi titjiriet jittardjaw sakemm jinstabu bdoti li lesti jikkoperaw u jtajru l-ajrupani.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament illejla, il-Ministru qal li jinsab infurmat li l-unjin tal-bdoti, l-ALPA, għamlet laqgħa li fiha ddeċidiet li l-bdoti jaħdmu work to rule.
Il-Ministru sostna li l-maniġment ma rċieva l-ebda notifika ta’ xi tilwima industrijali. Madanakollu, illum irrappurtaw li ma jifilħux tliet jew erba’ bdoti u meta l-kumpanija ppruvat iċċempel lil 25 bdot ieħor biex tara min seta’ jidħol minflokhom, ħadd ma rrisponda ħlief tnejn. Dawn qalu li mhux se jidħlu xogħol għax inkella l-unjin teħodha kontrihom.
Il-Ministru saħaq li, fi żmien delikat bħal dan għal-linja nazzjonali tal-ajru, dan mhux il-mod kif għandhom isiru l-affarijiet.
Huwa qal li l-ALPA żgur li ma tistax tgħid li huwa rrifjuta li jitkellem magħhom. “Ili niddiskuti għal aktar minn sena. Imxejna fuqu ħafna affarijiet imma, fl-aħħar mill-aħħar, jekk in-numri jgħidulna mod irridu nimxu fuq dawk in-numri. Kapaċi noqorbu lejn xulxin imma ma nkunux ftehemna fuq kollox. Irrid nara li dak li jiġi attwat ikun responsabbli, finanzjarjament jagħmel sens, u skont il-linja li ftehemna dwarha ma’ Brussell,” spjega l-Ministru Caruana.
Filwaqt li qal li kulħadd għandu dritt ma jaqbilx, il-Ministru rrimarka li din tal-bdoti bħalissa hija parti mill-attitudni li wasslet lill-kumpanija fejn hija llum.