M’hemm l-ebda konnessjoni bejn allegazzjonijiet ta’ firem iffalsifikati u l-investigazzjoni mill-FIAU dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku kriminali tal-prostituzzjoni fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Irrapurtat dan il-gazzetta MaltaToday wara li ftit tal-jiem ilu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’konferenza tal-aħbarijiet talab lill-Pulizija tinvestiga dokumenti relatati ma’ allegazzjonijiet dwaru fuq ħasil ta’ flus.
Dokumenti li allega li kienu jinkludu l-firma tiegħu ffalsifikata. Madankollu, dan ir-rapport juri kif dan it-tentattiv ta’ Delia bil-għan li jxekkel l-investigazzjoni dwaru mill-FIAU, spiċċa fix-xejn.
Fir-rapport tagħha l-gażżetta MaltaToday ikkonfermat li l-Pulizija ġew murija Memorandum ta’ Assoċċjazzjoni tal-kumpanija Frankef Ltd b’firma allegatament ffalsifikata mill-avukat tal-Kap Nazzjonalista. Dokument li skont sorsi ma jħaddan l-ebda rabta mal-investigazzjoni tal-FIAU. Frankef Ltd hija l-kumpanija ta’ Kris Bajada, iben Eucharist Bajada. Is-sid ta’ għadd ta’ propjetajiet f’Soho f’Londra konnessi ma’ ċirku kriminali tal-prostituzzjoni
L-Investigazzjoni mill-FIAU fuq Adrian Delia feġġet wara li f’Settembru tal-2017 il-blogger Daphne Caruana Galizia allegat li Adrian Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-Prostituzzjoni. Delia baqa’ jirrifjuta li jitlob investigazzjoni sħiħa dwaru u minflok, permezz tal-avukat tiegħu, talab lill-Kummisarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga kif ħarġet informazzjoni dwaru.
Intant f’intervista mal-gazzetta Illum, il-Kap Nazzjonalista saħaq li minkejja li jinsab b’dawn l-allegazzjonijiet serji fuq rasu, huwa mhux ser jirriżenja mill-kariga tiegħu fi ħdan il-Partit. Konferma li l-Partit Nazzjonalista juża kejl differenti għal kollox meta jiġi biex jindirizza allegazzjonijiet fil-konfront ta’ membri u esponenti mill-Partit tiegħu stess.
Sorsi tal-istess gazzetta fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qalu li l-konferma tal-investigazzjoni mill-FIAU fuq Adrian Delia qed tkompli tikkonferma mal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti, l-akkużi li għamlet Daphne Caruana Galizia kontrih.