Id-deputat Nazzjonalista, Claudio Grech, kellu jammetti fil-Qorti iktar kmieni din il-ġimgħa li fl-eqqel tal-iskandlu taż-żejt kien irrekordja bil-moħbi lil qraba ta’ George Farrugia, il-bniedem li Gvern Nazzjonalista ta l-proklama biex jixhed b’rabta mal-iskandlu taż-żejt. Għalkemm sa issa lil George Farrugia, il-Qorti m’emmnitux.
Claudio Grech, kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, kien qiegħed jixhed f’kawża ta’ libell kontra l-Prim Ministru u din il-gazzetta għaliex ma qabilx mal-interpretazzjoni tagħna li laqgħa mal-aħwa Farrugia kienet maħsuba biex issikkithom fi żmien li kienu whistleblowers f’dan il-każ.
Għal snin twal Claudio Grech ħadem viċin mal-Ministru Austin Gatt, sakemm imbagħad ħa post l-istess Gatt bħala deputat fuq l-ewwel distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fil-Qorti l-avukat ta’ Grech talab li l-klijent tiegħu jkun jista’ jippreżenta recording ta’ laqgħa privata li kellu ma’ Chris Farrugia, Raymond Farrugia u Bernard Pace. Chris Farrugia huwa n-neputi ta’ George Farrugia u Raymond Farrugia huwa ħu George Farrugia. Bħal Grech, Bernard Pace, kien kanvasser kbir ta’ Gatt fil-Ħamrun u xi Ħamruniżi kienu jgħidulek li jekk kellimt lil Pace daqslikieku kellimt lill-Ministru.
Il-Qorti talbet lil Grech jagħmel rikors fejn jitlob li jingħata l-permess biex jippreżenta t-tali prova. Iżda, hawn spikkaw ir-risposti għall-mistoqsijiet tal-avukat difensur, Pawlu Lia, li staqsa lil Claudio Grech jekk kienx irrekordja hu din il-laqgħa u d-deputat Nazzjonalista kkonferma. Ammetta li dan irrekordjah bl-iPad tiegħu u li għamlu bil-moħbi mingħajr ma kienu jafu l-aħwa Farrugia, whistleblowers fl-iskandlu taż-żejt.
X’laqgħa kienet?
Kien lejlet l-elezzjoni ġenerali li għaddiet meta l-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista kienu mheżża bl-iskandlu taż-żejt li Grech iltaqa’ ma’ Chris Farrugia. Claudio Grech u kollega fis-segretarjat privat ta’ Austin Gatt, Bernard Pace, kienu marru jfittxu lil Chris Farrugia b’dan tal-aħħar jgħidlu li kien “qed jagħmel ħsara kbira lil Austin Gatt”.
Din l-istqarrija fuq id-deputat Nazzjonalista kienet saret quddiem il-Qorti fi stqarrija b’ġurament li ġiet impoġġija fil-Qorti minn Chris Farrugia nnifsu.
B’ġurament Chris Farrugia qal: “Kien hemm talba minn Bernard Pace biex niltaqgħu. Ġie l-uffiċċju u qalli li qed nagħmel ħsara kbira lil Austin Gatt u qalli isfel f’karrozza kien hemm Claudio Grech li kien magħruf magħna għax kien mill-Ħamrun u kien ħaġa waħda ma’ Austin Gatt.
Fl-affidavit Farrugia sostna li Grech talbu biex jiddiżassoċja ruħu mill-istorja, u hu rrifjuta.
“Fakkartu li dak li nkiteb kien fid-dominju pubbliku. Fakkartu wkoll li aħna familja Nazzjonalista kbira u meta kellna bżonn li tifhmuna, minflok, qbiżtu għal George Farrugia,” qal in-neputi ta’ George Farrugia.
Għal dan l-affidavit, li tressaq fil-Qorti xhur ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil baqa’ qatt ma rreaġixxa minkejja li membru parlamentari tiegħu jissemma b’mod daqstant ċar.
Chris Farrugia jgħid ukoll li zijuh, li ammetta li xaħħam fix-xiri taż-żejt, kien gideb kontra ħutu. George Farrugia kien ingħata maħfra presidenzjali mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta Simon Busuttil kien sar Deputat Kap tiegħu
Fl-istess affidavit, Chris Farrugia jiżvela wkoll kemm George Farrugia kien qrib il-Ministru tal-Enemalta Austin Gatt u li, apparti li kienu jieklu flimkien, George kien ta donazzjonjiet għall-kampanja tal-eks Ministru, kien jgħinu billi jagħtih il-BMWs għall-kampanja u anke s-sala tal-familja Farrugia.
“Irrid ngħid li Farrugia kien middle-man; kien juża l-ħbiberija man-nies, inkluż dawk ma’ Austin Gatt jew viċin tiegħu, biex jasal fejn għandu jasal. Kien juża l-familjarità biex jieħu dak li għandu jieħu. U fil-każ ta’ Austin Gatt, u aktar tard Tonio Fenech, biex ikun jaf x’qed jiġri f’dan il-qasam,” stqarr bil-ġurament Chris Farrugia.
Jirrekordja, imma jinsa
Interessanti kif filwaqt li Claudio Grech qal li ħass li kellu jirrekordja din il-laqgħa kien nesa laqgħat importanti ma’ George Farrugia nnifsu. Saħansitra dan wassal biex kien akkużat li gideb lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi. Iżda, imbagħad fil-Maltatoday kienu żvelati emails li urew kif Claudio Grech kien fil-fatt iltaqa’ ma’ George Farrugia. Meta kienu ppubblikati, Grech kien iddefenda l-pożizzjoni tiegħu billi qal li nesa dawn il-laqgħat għax dak iż-żmien kien ikollu iktar minn 60 laqgħa fil-ġimgħa u kien jirċievi wkoll eluf ta’ emails.