Fl-2022 ġew irreġistrati aktar minn elfejn u tmien mitt kumpanija ġdida mal-Malta Business Registry, l-MBR.
Dan ħareġ mir-rapport annwali u r-rapport finanzjarju għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2022 tal-istess reġistru dwar in-negozji lokali.
Filwaqt li juri kif kien hemm ir-reġistrazzjoni ta’ 2,854 kumpanija ġdida is-sena l-oħra, kien hemm ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ 187,380 dokument u l-ħruġ ta’ 15,000 ċertifikat ta’ pożizzjoni tajba.
Bħala parti mill-proċeduri rigorużi biex jassiguraw il-governanza u l-konformità, il-Compliance Unit tal-MBR ivverifikat 23,236 notifika u għamet total ta’ 1,693 spezzjoni fuq il-post biex tikkonferma s-sidien benefiċċjarji. Għamlet ukoll total ta’ 39,439 test ta’ screening dwar involvimenti.
Sadanittant, fl-2022 ukoll, l-MBR ġie aċċettat bħala membru tal-Corporate Registries Forum u Malta ġiet magħżula proprju biex tospita l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-forum, f’sinjal ta’ fiduċja li qed igawdi pajjiżna fil-fora internazzjonali tan-negozju.
Biex tkun assigurata l-kompetittività ta’ Malta wara l-perjodu tal-pandemija, tmiem l-2022 ra l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ insolvenza ġdid li jimmira biex jagħti nifs u ċans mill-ġdid lil dawk in-negozji li jsibu ruħhom f’diffikultà, inaqqas mill-piż fuq il-qrati tal-kummerċ, joħloq impjiegi ġodda u jipprovdi serħan tal-moħħ lill-imprenditur lokali.
Fir-rapport tiegħu, l-MBR irrirmarka wkoll kif l-2022 kienet bla dubju sena ta’ sfidi fejn il-prijorità assoluta kienet li Malta titneħħa malajr minn fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force (FATF).
Hawn sar aċċenn għall-impenn tal-MBR li, bħala l-aġenzija responsabbli, tassigura kemm jista’ jkun li jkollha r-Reġistru tas-Sidien Benefiċjarji korrett biex ikun jista’ jiġi utilizzat bħala sors essenzjali kemm minn prattikanti lokali kif ukoll dawk barranin.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, irringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-MBR, Dr Geraldine Spiteri Lucas, u lill-istaff kollu fi ħdan l-MBR għad-dedikazzjoni tagħhom, ħidma li tat ir-riżultati meħtieġa u kienet strumentali biex Malta titneħħa mil-lista tal-FATF fl-inqas żmien possibbli.
Hu saħaq ukoll fuq l-importanza li jiġu offruti l-għodod neċessarji biex il-kumpaniji f’pajjiżna joperaw taħt qafas legali sod.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv Ewlieni u Reġistratur tal-MBR, Dr Geraldine Spiteri Lucas, sostniet li qed iħarsu ’l quddiem biex isaħħu l-pontijiet li bnew, filwaqt li jkomplu jitgħallmu mill-esperjenzi li kellhom.