Fl-2024, is-self tal-kotba f’pajjiżna, permezz tal-pjattaforma elettronika Libby App, qabeż il-91,000 ktieb. Dan fisser żieda sinifikanti ta’ aktar minn 30,000 ktieb fuq is-sena preċedenti.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici fil-Parlament fl-aħħar jiem fejn qal li, fuq perjodu ta’ disa’ snin, il-pjattaforma tal-Malta Libraries, li toffri eluf ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi u awdjo għall-konsum pubbliku, esperjenzat tkabbir impressjonanti f’indikazzjoni li l-qari qed jiżdied kemm bħala tagħlim kif ukoll bħala passatemp.
Il-Ministru qal li, matul is-sena li għaddiet waħedha, biex anke jissaħħaħ l-ilsien Malti, żdiedu diversi pubblikazzjonijiet, b’kollaborazzjoni ma’ awturi Maltin u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
“Ir-rispons tal-pubbliku kien wieħed inkoraġġanti ħafna. Fil-fatt ġibt miegħi ftit ċifri li s-self ta’ kotba diġitali matul is-sena li għaddiet kien ta’ 91,234, li hu kważi d-doppju fuq dak tas-sena ta’ qabel. Is-sena ta’ qabel kien ta’ 58,575.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Bonnici qal li, fil-futur, il-pjattaforma Libby App se tkompli tikber b’materjal interessanti b’varjetà ta’ temi, kemm ta’ riċerka kif ukoll ta’ rikreazzjoni.
Dan waqt li l-entità governattiva, Malta Libraries, ukoll qed tilqa’ s-suġġerimenti tan-nies dwar kif għandu jkompli jitjieb is-servizz li qed jingħata.