Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina lanqas resaq lejn ix-xogħol fl-aħħar xahrejn u ġimgħa, anke jekk nhar it-Tnejn li għadda quddiem il-Parlament ipprova jagħti impressjoni totalment differenti meta mistoqsi dwar dan mill-ġurnalist ta’ ONE News.
Fl-aħħar jiem ġie rrapportat li Bezzina, li jaħdem mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, mhux jersaq lejn xogħolu, ħlief biex jiġbor voucher tal-fuel għall-vettura tiegħu.
Għalkemm dan il-voucher hu intitolat lilu, jirriżulta li qed jabbuża minnu, ladarba l-vettura qed tintuża biss għal skopijiet privati.
Minkejja dan, mal-mikrofonu ta’ ONE News, qabel il-protesta tat-Tnejn, Bezzina qalilna hekk.
Minkejja ċ-ċaħda tiegħu, ONE News hu informat li l-aħħar darba li rreġistra l-preżenza tiegħu għax-xogħol kien fit-12 ta’ Settembru li għadda. Mhux magħruf lanqas jekk dakinhar kinitx xi waħda mid-drabi biex jiġbor biss il-voucher tal-fuel.
Bezzina hu wieħed mid-Deputati tal-Oppożizzjoni impjegati mal-Gvern, flimkien ma’ Ivan Castillo, Justin Schembri u David Agius, li dwarhom tressqu ilmenti quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubbliku, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, biex jiġu investigati minħabba li allegatament ma jersqux lejn il-post tax-xogħol jew inkella jiskartaw bl-iskuża li huma membri Parlamentari.
F’din is-sensiela ta’ ilmenti, li tressqu minn Neville Gafà, issa ngħaqad ukoll id-Deputat Robert Cutajar, li allegatament jabbuża mill-impjieg tiegħu fid-Dipartiment tal-Animal Welfare.
Hawn jirriżulta li Cutajar ukoll hu allokat ġranet fil-ġimgħa biex jaħdem bit-telework, fakultà li, skont l-ilment ta’ Gafà, ukoll qed tiġi abbużata.
Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta Illum ukoll irrapportat dwar dawn il-każi fejn żvelat dettalji, skont is-sorsi tagħha.
F’intervista fuq ix-xandir nazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll irrimarka li l-istess riga, li se tintuża fil-każ ta’ Amanda Muscat, li twaqqfet mix-xogħol tliet snin ilu, issa trid tintuża fil-każ ta’ Bezzina u dawk li jinqadbu jabbużaw mis-sistema.