In-numru ta’ każijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja, qabeż il-miljun u tmien mitt elf.
Fiċ-Ċina – il-pajjiż minn fejn oriġina l-virus – ġew irrappurtati aktar minn mitt każ f’ġurnata waħda, li huwa l-akbar numru ta’ każijiet fl-aħħar ħames ġimgħat.
Kważi l-każijiet kollha huma impurtati minn Ċiniżi li kienu qed jirritornaw lejn pajjiżhom.
Intant, fl-Italja kienet irrappurtata l-inqas rata ta’ mwiet fi 3 ġimgħat, filwaqt li fir-Renju Unit in-numru ta’ każijiet fatali minħabba l-COVID-19 qabeż l-għaxart elef.
Fl-Istati Uniti, in-numru ta’ dawk mejta bil-coronavirus, qabeż it-tnejn u għoxrin elf.
Minn tal-inqas sitt persuni mietu f’diversi stati fin-naħa t’isfel tal-Amerka, fosthom Texas u Mississippi, li ntlaqtu minn maltemp u għargħar kbir.
Intant, fl-istat ta’ Kalifornja, sitt persuni ndarbu fi sparatura li seħħet f’festin kbir minkejja l-ordni biex kulħadd jibqa’ d-dar f’dan l-istat Amerikan.
Ħadd ma ġie arrestat b’rabta ma’ dan il-każ, għalkemm erbat irġiel li dehru jaħarbu minn fuq ix-xena tar-reat f’karozza, qed jiġu suspettati li wettqu l-attakk.