Bint anzjana li aktar kmieni din is-sena, sfat vittma ta’ serq minn ġo darha stess, kellha appell b’saħħtu lill-anzjani biex ma jafdaw lil ħadd, u lill-ulied biex jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom, speċjalment jekk jgħixu waħedhom.
Ma’ Nancy Aquilina ltqajna fi ġnien f’Birkirkara u spjegatilna dak li għaddiet minnu ommha, li ħalliet din id-dinja f’April li għadda, fl-ewwel xahar tas-sena meta t-tnax ta’ Jannar kellha tkun ġurnata bħall-oħrajn, u l-anzjana kienet qed tittanta x-xemx għaddejja minn wara l-antiporta kif kienet tħobb tagħmel ta’ kuljum.
Hija qaltilna, “Ġie raġel u qalilha li qed ibigħ il-biljetti, kienu f’idejh, għall-missjoni. Ovvjament ommi minn wara l-antiporta mill-ewwel fetħitlu. Sakemm dawret wiċċha biex iġġib il-portmoni għax ma setgħetx timxi u kienet tħalli kollox ħdejha, taha daqqa fuq wiċċha. Ommi nħasdet, telqet il-portmoni, ħadulha u telaq jiġri.”
Minbarra x-xokk fiżiku li ħadet, l-anzjana sofriet minn trawma psikoloġika kbira, li baqgħet iġġorr magħha sal-aħħar ta’ ħajjitha.
Aquilina sostniet: “Il-ħin kollu, moħħha weħel fuq hekk hi miskina, fuq hekk biss kienet taħseb. Billejl tgħajjat lil oħti u kienet tinżel ħdejha u tgħidilha, ma ħa nżommlok idejk ħalli żgur torqod, għax daħħlet f’moħħha li qiegħed hemm id-dar il-ħin kollu għalkemm bieb magħluq, għamilna l-kameras wara għax aħna fit-triq tagħna qisna familja jiġifieri qas tobsor li ħa tiġri.”
Nancy spjegat li l-istess raġel reġa’ pprova jisraq mit-triq t’ommha xahrejn wara, f’Marzu li għadda, imma ma kellimhiex għaliex induna li fid-dar ma kinitx waħedha: “Ommi ma riditx li nirrappurtaw. Il-ħin kollu tgħidilna, ara ma tirrappurtawx għax iktar jiġi għalija. Hekk kienet temmen u naħseb ħafna anzjani hekk jaħsbuha però huwa improtanti li tirrapporta.”
Il-mara kellha appell b’saħħtu lil ulied bħalha biex iżommu kuntatt kontinwu mal-ġenituri tagħhom u jaraw li jħossuhom siguri f’darhom: “Huma jkunu sweet talkers, ommi kif qalilha tal-missjoni mill-ewwel fetħet. Importanti li tagħmlu xi kameras, aħna għamilniha imma kienet too late għax ommi ħallietna, u nippruvaw inżommu kuntatt bit-telefown u nfakkruhom biex ma jiftħu lil ħadd, lil ħadd jekk jista’ jkun.”