“Irrapportaw mediċini li kellhom effetti negattivi” kien dan il-messaġġ tal-Awtoritá tal-Mediċini fit-tnedija ta’ kampanja fuq il-midja soċjali bl-għan li aktar nies jirrapportaw mediċini li jkollhom effetti negattivi.
Filmat li tpoġġa fuq facebook, jispjega l-istorja ta’ pazjent li esperjenza l-effetti negattivi ta’ mediċina partikolari. Fil-filmat tidher il-preskrizzjoni tal-mediċina, l-effett li ħalliet fuq il-pazjent u finalment il-proċess ta’ kif pazjenti jew professjonisti mis-settur tas-saħħa jistgħu jressqu r-rapport lir-regolatur tal-mediċina.
Min-naħa tagħhom ir-regolaturi tal-mediċini joqgħodu fuq ir-rappurtaġġ dwar l-effetti negattivi li jħallu sabiex ikunu ċerti li l-mediċini fuq is-suq huma aċċettabli u sikuri. L-Awtoritá spjegat li l-għan ta’ din il-kampanja huwa li jsiru aktar rapporti.
Eżempji ta’ dawn il-mediċini kienu Rimonabant li jingħata għall-obeżitá, ġie irrapportat ukoll l-effett negattiv li tħalli l-Warfarin meta wieħed jixrob il-cranberry juice.
L-Awtoritá appellat lill-pubbliku biex isegwu din il-kampanja u jibdew jirrapportaw.