Ġiet irranġata triq rurali oħra f’Għawdex hekk kif tlestiet triq Santa Katerina tal-Qabbieża f’Kerċem.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja, Clint Camilleri saħaq fuq il-ħtieġa li nkomplu ngħinu lill-bidwi jkollu aċċess aħjar għar-raba’, u li jtejjeb il-kontribut tal-għelieqi tiegħu għaż-żamma tal-ħamrija u l-bijodiversità.
Saħaq kif fuq din it-triq partikolari f’Kerċem sar investiment qawwi. L-Onor Camilleri stqarr: “Investiment ta’ €360,000 u aktar minn kilometru ta’ triq li propju ġiet asfaltata mill-ġdid sabiex nagħtu mill-ġdid ukoll aċċess tajjeb lill-bdiewa u r-raħħala tagħna li nafu li f’dawn l-inħawi għandna numru sostanzjali ta’ bdiewa li jaħdmu r-raba’ kif ukoll numru ta’ raħħala li propju għandhom l-irziezet f’dawn l-akwati.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindku ta’ Kerċem Mario Azzopardi.
Azzopardi rringrazzja lil Gvern talli dejjem ikun ta’ għajnuna biex toroq rurali jittranġaw u jgħinu ħidmet il-bidwi u r-raħħal. Huwa spjega li “Grazzi għas-Segretarjat, għas-Segretarju Parlamentari, l-Onorevoli Clint Camilleri din it-triq setgħet kienet possibbli fejn fiha qegħdin jibbenefikaw bosta raħħala, bdiewa illi ġewwa ta’ Kerċem insibu numru sabiħ tagħhom.”
Intant is-Segretarju Parlamentari fakkar li b’kollox 16-il triq rurali f’Għawdex ġew mtejba għall-benefiċċju tas-settur agrikolu u l-komunitajiet rurali.
Clint Camilleri qal li dan qed isir ukoll permezz ta’ fondi Ewropej li jaqgħu taħt il-programm għall-Iżvilupp rurali għal Malta.
Camilleri spjega kif permezz ta’ dawn il-fondi gawdew numru ta’ Kunsilli Lokali fosthom lokalitajiet Għawdxin li huma Ta’ Sannat, in-Nadur, ix-Xagħra, Kerċem, l-Għarb u ż-Żebbuġ.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura temm jgħid li ’l fuq minn elf bidwi qegħdin jibbenifikaw minn dan it-titjib fl-aċċess ta’ toroq rurali madwar il-gżejjer Maltin.